Prezz tal-kirjiet: “Żvilupp ekonomiku b’impatt soċjali qawwi u kiefer” – ADPD
Il-prezz dejjem jogħla tal-kirjiet qed ikollu impatt negattiv tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, ADPD-The Green Party qal illum. The post Prezz tal-kirjiet: “Żvilupp ekonomiku b’impatt soċjali qawwi u kiefer” – ADPD appeared…
Il-prezz dejjem jogħla tal-kirjiet qed ikollu impatt negattiv tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, ADPD-The Green Party qal illum.
Il-partit irrefera għal studju ppubblikat din il-ġimgħa minn Solidarjetà, l-għaqda tal-kerrejja.
Qalet li minħabba diversi fatturi, fosthom limiti tal-banek, separazzjoni jew divorzju u dħul baxx, ħafna niex m’għandhomx għażla oħra ħlief li jikru.
Iċ-Chairperson Sandra Gauci u l-uffiċċjal tal-partit Mina Jack Tolu qalu li l-iżvilupp ekonomiku qed iħalli impatt soċjali qawwi, impatt kiefer, u dan ma nistgħux inkomplu ninjorawh.
Bosta postijiet residenzjali illum, aktar minn qatt qabel, qegħdin jintużaw għall-akkommodazzjoni tat-turisti. Dan kollu qed iħalli konsegwenzi fuq il-kommunitajiet residenzjali u qiegħed itellef il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ postijet għall-kiri bi skop residenzjali qed jimbotta l-prezz tal-kirjiet ‘il fuq.
Iż-żieda fil-popolazzjoni wkoll kompliet iżżid id-domanda għall-kiri, filwaqt li l-pressjoni fuq is-sistema tad-drenaġġ u infrastruttura oħra żdiedet b’mod eċċessiv, bħalma żdied it-traffiku fit-toroq tagħna.
“Din hi sitwazzjoni li l-Gvern ġab b’idejh u issa jinsab fi stat ta’ paniku sabiex isib tarfha.”
ADPD nnota kif l-Awtorità tad-Djar tgħid li l-ispiża fuq l-akkommodazzjoni m’għandhiex taqbeż il-25% tad-dħul. “Minkejja dan, huwa ċar li l-piz finanzjarju ta’ kirjiet affordabbli jammontaw għal anqas minn 25% tad-dhul, filwaqt 40% tal-kirjiet iġorru stress ta’ bejn il-25% u t-30% tad-dhul. 40% tal-kirjiet huma ta’ piż qawwi. Huwa ta’ inkwiet u tħassib kif l-ispekulazzjoni qawwija fil-qasam tal-akkommodazzjoni residenzjali qiegħda twassal għal dawn il-kirjiet esaġerati bil-konsegwenza li hawn min qed jispiċċa bla saqaf fuq rasu.”
Dawn l-isfidi speċjalment jinħassu jekk ma tikkwalifikax bi żbrixx għall-Housing Benefit Scheme u b’hekk ma tkunx intitolat għall-għajnuna, jew jekk il-kera tiżdied jew is-sid ikun irid il-post lura, komplew il-kelliema.
Huma qalu li ma jeżisti ebda tip ta’ kontroll dwar kif jiġi stabbilit il-prezz ta’ kirja.
Għalkemm il-Gvern ħa inizzjattivi li tejbu s-sitwazzjoni xi ftit jew wisq, l-abbuż ma nqatax. Il-liġi tal-ġungla baqgħet tiddomina, għaliex ma teżisti ebda regola sabiex il-prezz jitfassal fuq kriterji specifiċi, bħall-kobor tal-post, l-effiċjenza enerġetika tiegħu u l-aċċessibilità għal servizzi bħal ma huma ħwienet tal-merċa, għassa tal-Pulizija, u banek.
“Il-Gvern donnu mhux lest li jieħu passi serji biex irażżan dan l-abbuż. Is-sidien tal-postijiet tista’ tgħid li huma kollha Maltin li stagħnew mhux ftit mill-kiri. L-istatus quo donnu ma jistax jintmiss għax dan jista’ jissarraf f’telf ta’ voti.”
Qalu li s-suq tal-kiri sploda u l-kilba għall-flus hija kbira, imma d-dritt għal akkommodazzjoni xierqa bi prezz ġust u raġonevoli huwa sagrosant.
“Hemm bżonn regolamenti sabiex b’mod urġenti, id-drittijiet ta’ min jikri jkunu mħarsa. Dan hu t-twemmin ta’ ADPD-The Green Party, u dan se nibqgħu insostnu.”
The post Prezz tal-kirjiet: “Żvilupp ekonomiku b’impatt soċjali qawwi u kiefer” – ADPD appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →