€50 fis-siegħa għal konsulenza dwar il-ħaxix fiż-żona tal-picnic f’Ta’ Qali
Politics 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 February 2, 2026 6:00 pm

€50 fis-siegħa għal konsulenza dwar il-ħaxix fiż-żona tal-picnic f’Ta’ Qali

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ingaġġa lil espert fil-qasam tal-pajsaġġ biex jagħti pariri dwar il-ħaxix fil-picnic area ta’ Ta’ Qali, kemm qabel kif ukoll wara li tqiegħed iż-żrar fuq…

Espert fil-qasam tal-pajsaġġi ingħata kuntratt biex jipprovdi pariri dwar il-ħaxix fil-picnic area ta’ Ta’ Qali, kemm qabel kif ukoll wara li tqiegħed iż-żrar fuq is-sit.

Dan ħareġ minn tweġiba parlamentari mogħtija mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, għal mistoqsija mressqa mid-Deputata Nazzjonalista Rebekah Borg.

Il-Ministru qal li l-espert ingaġġat huwa s-Sur Joe Schembri, li għandu aktar minn għoxrin sena esperjenza fil-qasam ta’ proġetti ta’ tħaddir u ta’ pajsaġġi madwar il-pajjiż.

Skont it-tweġiba parlamentari, il-kuntratt tal-espert huwa datat fis-7 ta’ Jannar 2026 u ngħata skont ir-regolamenti dwar ix-xiri pubbliku. Huwa qed jitħallas rata ta’ €50 fis-siegħa, eskluża l-VAT, għal massimu ta’ 180 siegħa ta’ xogħol konsultattiv.

Dan ifisser li l-ispiża totali tal-kuntratt tista’ tilħaq sa massimu ta’ €9,000.

Id-Deputat Rebekah Borg kienet talbet lill-Ministru jagħti dettalji dwar min ġie mqabbad bħala espert, kif intgħażlet il-persuna jew l-entità inkwistjoni, u kemm qed titħallas għas-servizz ta’ konsulenza relatat mal-ħaxix fil-picnic area ta’ Ta’ Qali.

Il-kwistjoni tal-picnic area ta’ Ta’ Qali kienet diġà qanqlet kontroversja pubblika wara li l-ħaxix imwiegħed ma bediex jikber sal-aħħar tas-sena li għaddiet, minkejja wegħdiet li kien se jitfaċċa sa nofs Diċembru.

Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela ammetta li l-Gvern “seta’ għamel aħjar” fil-mod kif ġiet indirizzata l-kwistjoni ta’ Ta’ Qali. Huwa qal li l-ħaxix mhux se jikber f’Jannar u fi Frar, u lanqas fir-rebbiegħa, parzjalment minħabba l-kunċerti li huma ppjanati li jsiru fuq is-sit.

Sadanittant, Jason Micallef, li huwa responsabbli mill-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, kien wiegħed li l-ħaxix kien se jibda jikber sa nofs Diċembru, iżda dan ma seħħx.

Il-proġett tal-picnic area kien ukoll suġġett għal kritika wara li ġie żvelat li ż-żrar imqiegħed fis-sit sewa aktar minn €311,000, kuntratt li ngħata permezz ta’ direct order u mhux wara sejħa pubblika għal tenders.

Il-każ kompla jqajjem mistoqsijiet dwar l-ippjanar, l-infiq pubbliku u t-trasparenza fl-amministrazzjoni ta’ proġetti pubbliċi relatati ma’ spazji rikreattivi u ambjentali.

The post €50 fis-siegħa għal konsulenza dwar il-ħaxix fiż-żona tal-picnic f’Ta’ Qali appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →