Iffullar fil-foyer ta’ skola: Il-Gvern jgħid li qed jintlaħqu r-rekwiżiti tal-kurrikulu tal-PE
Sorsi ta’ Newsbook Malta jgħidu li hemm tħassib serju mill-għalliema u l-istudenti hekk kif mhux qed issir prattika għall-eżami tal-O-level tal-PE The post Iffullar fil-foyer ta’ skola: Il-Gvern jgħid li…
Mis-sajf li għadda sal-lum il-ġurnata beda jsir xogħol fuq barra tal-iskola sekondarja li tinsab f’Ħad-Dingli, b’sorsi ta’ Newsbook Malta jgħidu li l-istudenti mhux qed jitħallew joħorġu barra fl-ebda ħin tal-ġurnata, inkluż waqt il-ħin dedikat għall-attività fiżika.
L-iskola, li hija parti mill-Kulleġġ San Nikola, qed isirilha xogħol fil-parti li tiġi eżatt fuq il-parkeġġ tal-ħaddiema li jinsab taħt l-art. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ġie mistoqsi dwar dawn ix-xogħlijiet fejn intqal li ġie kkunsidrat dak kollu li huwa loġistiku u ta’ sigurtà. Parti mill-bitħa issa hija mgħottija b’tinda li tinġibed lura u tingħalaq, filwaqt li ż-żona li fadal, li mhijiex mgħottija bit-tinda, tibqa’ disponibbli għall-użu tal-istudenti. Spjegaw li x-xogħlijiet ġew skedati biex jiġi żgurat l-inqas tfixkil possibbli għall-operat normali tal-iskola.
Madanakollu, informazzjoni li waslet għand din il-kamra tal-aħbarijiet tgħid li studenti mis-7 sal-11-il sena qed jiġu ordnati biex f’ħin il-break ma joħorġux barra iżda minflok joqgħodu fil-foyer. Dan ifisser li l-istudenti ta’ kull sena qed jispiċċaw jinġabru kollha f’post mhux daqstant kbir.
In-nuqqas ta’ użu ta’ din iż-żona fuq barra allegatament qed twassal ukoll biex mhux qed isiru lezzjonijiet tal-attività fiżika, il-PE. Dan ifisser li hemm uħud mill-istudenti li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet tal-O-level li mhux qed jingħataw l-opportunità jipprattikaw għaliex qatt ma għamlu sezzjonijiet fuq barra matul din is-sena skolastika.
Kemm l-għalliema u anke l-istudenti jinsabu f’inċertizzi kbar dwar kif se jlaħħqu r-rekwiżiti tal-kurrikulu tal-PE. Minkejja dan it-tħassib, il-Ministeru tal-Edukazzjoni aċċerta f’komunikat li ntbagħat lil Newsbook Malta li l-iskola qed tippjana bl-aħjar mod l-ispazji disponibbli biex tassigura li r-rekwiżiti tal-kurrikulu jintlaħqu bħal snin oħra, inkluż il-PE.
Ġie konfermat mill-Ministeru li ż-żona tal-bitħa li bħalissa hija mgħottija bit-tinda mhix qed tintuża sakemm jitlesta l-kisi ta’ pilastri. Ġiet ippubblikata wkoll offerta għall-provvista u l-installazzjoni ta’ ħaxix artifiċjali f’din iż-żona.
The post Iffullar fil-foyer ta’ skola: Il-Gvern jgħid li qed jintlaħqu r-rekwiżiti tal-kurrikulu tal-PE appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →