L-MEPs jgħidu li r-regoli dwar fondi tal-UE għal diżastri naturali inġusti kontra Malta
General 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 February 10, 2026 2:27 pm

L-MEPs jgħidu li r-regoli dwar fondi tal-UE għal diżastri naturali inġusti kontra Malta

Skont ir-regoli attwali, biex Malta tkun eliġibbli għal fondi tal-UE b’rabta ma’ diżastri naturali trid issofri ħsarat li jammontaw għal €121.5 miljun. The post L-MEPs jgħidu li r-regoli dwar fondi…

Skont ir-regoli attwali, biex Malta tkun eliġibbli għal fondi tal-UE b’rabta ma’ diżastri naturali trid issofri ħsarat li jammontaw għal €121.5 miljun.

Hekk stqarr l-MEP Nazzjonalista David Casa f’ittra li bagħat lill-Kummissarju Ewropew Hadja Labib, li hija responsabbli minn dan is-settur.

Qal li minħabba ċ-ċokon tagħha, Malta għandha mod wieħed biss kif tista’ taċċessa dawn il-fondi imma l-ammont ta’ danni li jrid jiġi milħuq huwa sproporzjonat. Dan minkejja li l-kumissarju qalet iktar kmieni llum li l-mekkaniżmu li jeżisti għall-istati membri biex jaċċessaw dawn il-fondi huwa ugwali.

Casa qal li minkejja li r-regoli huma identiċi għall-pajjiżi kollha, fil-prattika dawn joħolqu tfixkil li ċertament ma joħloqx ugwaljanza.

Hu appella lill-kummissarju biex tuża d-diskrezzjoni tagħha f’każijiet bħal dawk tal-maltempata Harry u sejjaħ biex jiġu riveduti r-regoli b’mod li jagħmlu sens għall-pajjiżi żgħar.

L-ittra ntbagħtet wara li iktar kmieni saret sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew li matulha l-kummissarju Lahbib tkellmet dwar il-mekkaniżmu dwar l-għoti ta’ fondi f’każ ta’ diżastri naturali – speċifikament il-Fond Ewropew ta’ Solidarjetà.

Casa, flimkien ma’ MEPs oħra Maltin ħadu sehem fid-dibattitu fejn sejħu għal regoli aktar effiċjenti għal stati żgħar bħal Malta.

Biex pajjiż jikkwalifika għal tali għajnuna, il-ħsara kkawżata trid tkun tammonta għal 0.6 fil-mija tal-Qligħ Nazzjonali Gross. L-MEPs argumentaw li dan in-numru huwa wisq għoli għal pajjiżi żgħar.

Hemm żewġ modi oħra kif pajjiż jista’ japplika għall-fondi, iżda Malta mhix eliġibbli għalihom. Dan minħabba li Malta hija meqjusa bħala reġjun wieħed, u anke għaliex mod ieħor fejn pajjiż ġar jista’ japplika aktarx ma jintużax minħabba li l-uniku ġar tagħna – l-Italja – aktarx tikkwalifika biss għal għajnuna reġjonali.

L-ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba qal li Malta m’għandha xejn inqas minn pajjiżi oħra u għalhekk hi wkoll għandha tingħata l-għajnuna. Staqsa kif l-Ewropa tista’ titkellem dwar is-solidarjetà imma mbagħad tagħmilha impossibbli għal pajjiżi żgħar biex jiksbu l-fondi.

Qal li hija diskriminazzjoni li Sqallija tista’ tingħata l-fondi iżda Malta le, u dan bl-iskuża li Malta m’għandiex iktar minn reġjun wieħed. Hu appella biex dan il-fond ikun iktar flessibbli.

Agius Saliba appella wkoll għal żieda fil-fondi għal lokalitajiet bħal Marsaskala, Marsalforn u Għar Lapsi, li qed iħossu sew l-effetti tal-bidla fil-klima.  

L-MEPs Thomas Bajada u Daniel Attard ukoll tkellmu fid-dibattitu. Bajada sejjaħ għal trattament ġust fil-konfront ta’ Malta waqt li Attard qal li l-UE qed tiddiskrimina kontra Malta hekk kif ir-realtajiet ta’ pajjiż żgħir mhux qed jiġu kunsidrati.

L-MEP Peter Agius qal li Malta qed tagħmel il-parti tagħha dwar il-miżuri tal-UE dwar il-bidla fil-klima iżda mbagħad tistenna li tiġi mgħejuna f’ċirkostanzi bħal dawk ikkawżati mill-maltempata Harry.

The post L-MEPs jgħidu li r-regoli dwar fondi tal-UE għal diżastri naturali inġusti kontra Malta appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →