Monaco jista’ jkun it-tieni pajjiż li se jżur il-Papa Ljun XIV
Is-Sala Stampa tas-Santa Sede kkonferma li l-Vatikan qed jikkunsidra b’serjetà żjara appostolika fil-Prinċipat ta’ Monaco wara stedina personali lill-Papa Ljun XIV li saret mill-Prinċep Albertu II waqt laqgħa fil-Vatikan fis-17…
Is-Sala Stampa tas-Santa Sede kkonferma li l-Vatikan qed jikkunsidra b’serjetà żjara appostolika fil-Prinċipat ta’ Monaco wara stedina personali lill-Papa Ljun XIV li saret mill-Prinċep Albertu II waqt laqgħa fil-Vatikan fis-17 ta’ Jannar 2026.
Dan ifisser li jekk din iż-żjara tiġi kkonfermata, din iż-żjara se tkun it-tieni waħda għall-Papa wara dik tat-Turkija u l-Libanu f’Novembru 2025.
L-Uffiċċju kompla li dan il-vjaġġ huwa mistenni li jkun qasir ħafna, b’possibiltà li jsir simili għal dak li għamel il-Papa Franġisku f’Korsika fil-15 ta’ Diċembru 2024. Uffiċjali tal-Vatikan saħqu li l-pjanijiet għal dan il-vjaġġ għadhom fi stadju preliminarli, iżda li ladarba qed jissemma’ pubblikament, jista’ jagħti l-każ li l-possibilità qed tiġi evalwata bis-serjetà.
Iż-żjara f’Monaco għandha piż simboliku qawwi hekk kif sa issa, qatt ma kien hemm Papa li żar dan l-istat sovran żgħir fuq il-kosta tal-Mediterran fin-Nofsinhar ta’ Franza. Dan l-istat ta’ 2 kilometri kwadri u popolazzjoni ta’ madwar 39,000 persuna, huwa t-tieni l-iżgħar pajjiż fid-dinja wara l-Istat tal-Vatikan.
Minkejja ċ-ċokon tiegħu, Monaco, li għadu jirrikonoxxi l-Kattoliċiżmu bħala r-reliġjon tal-istat, għad għandu karattru internazzjonali qawwi, hekk kif tliet kwarti tar-residenti tiegħu huma barranin li daħlu fil-pajjiż minħabba opportunitajiet ekonomiċi kif ukoll sistemi ta’ taxxa attraenti.
Waqt it-titjira lura mil-Libanu, il-Papa Ljun XIV kien indika li l-mudell tal-vjaġġi appostoliċi se jkun qed jagħti iktar attenzjoni lill-pajjiżi ż-żgħar iktar minn ċentri kbar ta’ poter. Huwa kien semma wkoll ix-xewqa tiegħu li jżur l-Afrika, b’mod partikolari l-Alġerija – art twelid Santu Wistin.
The post Monaco jista’ jkun it-tieni pajjiż li se jżur il-Papa Ljun XIV appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →