Attwalità: It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità ta’ ħin
General 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 February 12, 2026 6:32 pm

Attwalità: It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità ta’ ħin

It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità ta’ ħin mal-ġenituri, il-psikologu Matthe Bartolo qal. The post Attwalità: It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità…

It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità ta’ ħin mal-ġenituri, il-psikologu Matthe Bartolo qal.

Hu kien qed jitkellem waqt il-programm Attwalità, ippreżentat mill-editur ta’ Newsbook Malta Matthew Xuereb. Is-suġġett tal-lum kien dwar jekk għandniex nippromwovu aktar ħin għall-ġenituri ma’ wliedhom. Il-mistiedna l-oħra kienu Renee Laiviera, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, l-edukatur Charles Teuma u Joe Farrugia, konsulent mal-Assoċjazjoni ta’ Min Iħaddem (MEA).

Tema ċentrali tal-programm kienet iċ-childcare centres, partikolarment meta t-tfal jintbagħtu f’dawn iċ-ċentri ta’ età bikrija ħafna. Studju riċenti sab li 8% tal-ġenituri jibdew jibgħatu lil uliedhom fiċ-childcare centres qabel dawn ikunu għalqu s-sitt xhur.

Bartolo qal li wieħed irid joqgħod attent hekk kif is-snin bikrin huma żmien fejn it-tfal ikunu qed jitgħallmu jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, u din hi xi ħaġa li jitgħallmuha mingħand il-ġenituri. Qal li jekk din il-ħaġa tkun nieqsa fihom, jistgħu jesperjenzaw problemi ‘l quddiem, inkluż problemi biex jiffurmaw relazzjonijiet jew biex jafdaw persuni oħra.

Attwalita-Matthew-Bartolo-8
Ritratt: Erika Lanzafame

Qal li jinkwetaħ il-fatt li ħafna ġenituri ma jkollhomx wisq enerġija meta jiġu biex iqattgħu ħin mat-tfal tagħhom wara ġurnata xogħol.

Hu ħeġġeġ lill-ġenituri biex jippruvaw isibu ma wliedhom dik il-konnessjoni li kellhom huma mal-ġenituri tagħhom.

Renee Laiviera qalet li t-tfal għandhom bżonn iktar attenzjoni mingħand iż-żewġ ġenituri. Qalet li l-missirijiet mhux dejjem jgħarfu kemm huma importanti fit-trobbija tat-tfal tagħhom.

Leave tal-maternità u paternità mhumiex biżżejjed

Laiviera qalet li l-leave tal-maternità ta’ 18-il ġimgħa mhuwiex biżżejjed u lanqas ma huma biżżejjed l-għaxart ijiem leave tal-paternità, minkejja li dawn żdiedu. “Jekk aħna ngħidu li l-irġiel huma mportanti fit-trobbija ta’ wliedhom, mela mbagħad irridu ntuhom il-ħin biex jagħmlu dan.”

Attwalita-Renee-Laiviera-10
Ritratt: Erika Lanzafame

Qalet ukoll li l-parental leave kif inhu bħalissa huwa wisq “frammentat” u mhux imħallas.

Laiviera qalet li huwa veru li xi ġenituri ma jkollhomx ħafna enerġija wara ġurnata xogħol imma jiġi minnhom li jaraw kif jaqsmu r-responsabbiltajiet tad-dar u jqattgħu iktar ħin mat-tfal.

Charles Teuma qal li hu jaħdem l-iktar ma’ studenti żgħażagħ u diffiċli tgħid il-problemi li qed jesperjenzaw minn fejn ġejjin. Qal li żgur mhux ġejjin miċ-childcare centres, li huma xi ħaġa iktar riċenti. Qal li jaf dawn il-problemi li semma Bartolo narawhom fil-ġenerazzjoni ta’ tfal tal-lum.

Qal li wieħed irid jara wkoll l-effett tas-separazzjonijiet tal-ġenituri. “Ġieli jgħiduli ‘għadni lanqas naf fejn se nagħmel il-homework u fejn se norqod illejla’ għax il-ġenituri jkunu għadhom ma ddeċidewx bejniethom.”

Teuma qal ukoll li l-aspettattivi llum il-ġurnata saru wisq għoljin, kemm tal-ġenituri fuq it-tfal, kif ukoll tat-tfal fuq il-ġenituri.

Attwalita-Charles-Teuma7
Ritratt: Erika Lanzafame

Il-problema ta’ nuqqas ta’ ħin hija kkawżata wkoll minn piżijiet finanzjarji, fosthom tas-self mill-banek. “Qabel kien jingħata self fuq persuna waħda, bil-pagament tax-xahar ma setgħax ikun iktar minn kwart tal-paga. Meta daħlet it-tieni persuna, il-prezz tal-proprjetà rdoppja, u dan minħabba l-ispekulaturi, li ħadd minnhom m’għandu qalbu tat-deheb biżżejjed li jgħid ‘ħallihom komdi jgawdu l-familja.’”

Iċ-Childcare żgur li ma jieħux post it-trobbija

Dwar skemi mħabbra mill-gvern biex jattira n-nies biex ikollhom iktar tfal, Teuma qal li, jagħmel x’jagħmel il-gvern, fl-aħħar mill-aħħar huwa l-individwu li se jiddeċiedi kemm jista jwassal bil-qligħ tiegħu.

Hu sejjaħ għal mudelli iktar flessibbli, fejn ġenituri jkunu jistgħu jaħdmu inqas sigħat mingħajr ma jieqfu kompletament mix-xogħol. Dan jgħin anke lil min jimpjega, hekk kif is-soltu jkollhom isibu persuni ġodda biex jieħdu post il-ġenituri li jieqfu jaħdmu. Issuġġerixxa, però, li l-gvern jgħin biex dawn ma jitilfux mill-pensjoni tagħhom.

Attwalita-Joe-Farrugia-5
Ritratt: Erika Lanzafame

Joe Farrugia qal li hemm ħafna sfidi, iżda l-isfida demografika tibqa’ dik ċentrali. Qal li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija mportanti għal diversi raġunijiet, inkluż għax il-familji ma jgħaddux bi qligħ wieħed, għan-nisa nfushom biex jikbru fil-karriera tagħhom, u għax għandna popolazzjoni li qed jixjieħ u allura għandha bżonn inżidu l-provvista’ tas-sigħat.  

Farrugia qal li s-soluzzjonijiet iridu jkunu olistiċi.

Hu qal li ċ-childcare huwa tajjeb għal min iħaddem iżda “żgur li ma jieħux post it-trobbija.”

The post Attwalità: It-tfal m’għandhomx bżonn biss ħin ta’ kwalità imma anke kwantità ta’ ħin appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →