Il-Floating party fil-Port il-Kbir iqajjem diversi mistoqsijiet fil-Parlament
Il-Floating beach club lussuża li bħalissa tinsab sorġuta fil-Grand Harbour wassal biex id-deputat tal-Oppożizzjoni Albert Buttigieg iressaq sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari lil diversi ministri dwar il-permessi, l-impatt ambjentali u l-liċenzji…
Il-Floating beach club lussuża li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir wasslet biex id-deputat tal-Oppożizzjoni Albert Buttigieg iressaq sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari lil diversi ministri dwar il-permessi, l-impatt ambjentali u l-liċenzji relatati ma’ din l-attività.
Il-mistoqsijiet kienu indirizzati lil diversi ministeri biex jiġi ċċarat jekk il-pontun li fuqu qed jopera tip ta’ ‘club’ fuq il-baħar għandux il-permessi meħtieġa u jekk saritx xi evalwazzjoni dwar l-impatti li jista’ jkollu.
L-ebda awtorizzazzjoni mill-ERA
F’mistoqsija indirizzata lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, Buttigieg staqsa jekk saritx talba lill-Environment and Resources Authority (ERA) biex jiġi evalwat l-impatt ambjentali li din l-attività tista’ jkollha fuq il-baħar.
Fir-risposta tagħha, il-Ministru qalet li t-tbaħħir u t-tħaddim ta’ bastimenti mhumiex soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-ERA.
Inċertezza dwar permessi tal-ippjanar
Mistoqsija oħra kienet indirizzata lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri dwar jekk din il-floating party island teħtieġx permessi mill-Planning Authority.
Il-Ministru spjega li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex applikazzjoni għal żvilupp relatata ma’ din l-istruttura. Madankollu, minħabba li l-awtorità m’għandhiex biżżejjed dettalji dwar l-istruttura u kif qed topera fuq il-baħar, ma tistax tikkonkludi jekk hemmx bżonn ta’ permess ta’ żvilupp jew le.
Mistoqsija dwar liċenzja tat-trade
Buttigieg staqsa wkoll lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri jekk inħarġitx liċenzja ta’ ‘trade’ għal din l-attività u jekk iva, liema kundizzjonijiet huma marbuta magħha.
Madankollu, il-Ministru talab lid-deputat biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ċertifikat biex jopera kummerċjalment
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li l-pontun imsemmi huwa konformi mal-proċeduri skont in-Non-Convention Vessel Code u r-regolamenti dwar bastimenti kummerċjali biex jikseb ċertifikat li jippermettilu jopera kummerċjalment skont il-liġijiet ta’ Malta.
Huwa spjega li, bħal kull bastiment kummerċjali ieħor, dan il-pontun irid ukoll jikkonforma man-notifiki u r-regolamenti maħruġa minn Transport Malta.
Beach club fuq il-baħar kien ikkontestat fi Franza
Il-pjattaforma li qed tissemma hija magħrufa bħala Noma Island, beach club f’wiċċ il-baħar ta’ madwar 1,750 metru kwadru mfassla bħala bastiment b’struttura ta’ trimaran motorizzat.
Il-pjattaforma għandha żewġ decks kbar li jinkludu ristorant, bar-lounge u pixxina b’ilma ħelu, u tista’ tilqa’ sa 350 mistieden li jaslu b’jottijiet privati jew b’speedboats apposta mill-kosta. Il-proġett qed jiġi promoss bħala “ir-raba’ gżira ta’ Malta” u bħala destinazzjoni esklussiva unika fl-Ewropa.

Madankollu, il-proġett diġà kellu storja kontroversjali qabel ma wasal Malta.
Tony Philp u Marc Audineau, kienu inizjalment ippjanaw li jniedu l-pjattaforma – magħrufa formalment bħala Canua Island – fuq ir-Riviera Franċiża fl-2023.
Il-proġett kien baqa’ mwaħħal fil-port ta’ La Seyne-sur-Mer waqt li kien qed jistenna permessi. Gruppi ambjentali opponew il-pjan u sostnew li l-kosta tan-Nofsinhar ta’ Franza diġà kienet urbanizzata żżejjed u ma kellhiex bżonn proġett ieħor ta’ divertiment. Kampanja ta’ petizzjoni saħansitra ġabret madwar 20,000 firma kontra l-inizjattiva.
F’Ġunju tal-2023 il-Gvern Franċiż u l-ministeru marittimu rrifjutaw il-permessi meħtieġa minħabba tħassib dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu. Madankollu, ftit xhur wara qorti amministrattiva f’Nizza ddeċidiet favur il-fundaturi u ordnat li jingħataw il-permessi.
Il-pjattaforma finalment tnediet f’Mejju tal-2024 fil-bajja ta’ Cannes, iżda reġgħet sabet oppożizzjoni meta koalizzjoni ta’ 21 sindku mill-Alpes-Maritimes u Var bagħtu ittra konġunta kontra l-preżenza tagħha minħabba tħassib dwar storbju, tniġġis u impatt fuq il-ħajja marittima.
Minħabba din l-oppożizzjoni politika kontinwa, il-fundaturi ddeċidew li jbigħu l-pjattaforma, li issa qed titmexxa lejn Malta.
Operazzjoni f’Malta
Il-beach club se jkun operat f’Malta mill-kumpanija 356 Entertainment Group, li tmexxi wkoll il-klabb UNO Malta f’Ta’ Qali.
The post Il-Floating party fil-Port il-Kbir iqajjem diversi mistoqsijiet fil-Parlament appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →