Malta qed tħallas prezz għoli għad-dipendenza fuq il-fuels fossili – ADPD
Waqt konferenza stampa quddiem il-Ministeru għall-ambjent u l-enerġija fil-Belt Valletta, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci enfasizzat li t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli trid tmur id f’id ma’ politika li…
L-ADPD-The Green Party qal li l-politika ta’ Malta dwar l-enerġija qed tesponi lill-pajjiż għal riskji li l-pajjiż ikollu jħallas għalihom bil-qares. Fuq quddiem nett hemm in-nuqqas ta’ pjan biex tiżdied l-effiċjenza u titnaqqas il-ħela. Waqt konferenza stampa quddiem il-Ministeru għall-ambjent u l-enerġija fil-Belt Valletta, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci enfasizzat li t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli trid tmur id f’id ma’ politika li tnaqqas d-domanda għall-enerġija.
Qalet li “il-bini f’Malta huwa wieħed mill-akbar opportunitajiet mhux sfruttati biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. B’insulazzjoni adegwata, disinn effiċjenti u programmi fuq skala kbira ta’ rinnovazzjoni tal-bini, id-domanda għall-elettriku tista’ tonqos drastikament. Il-fatt li l-gvern naqas milli jippreżenta strateġija nazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini lill-Kummissjoni Ewropea juri li l-effiċjenza enerġetika għadha ma tingħatax l-urġenza li jistħoqqilha. Minflok il-gvern moħħu biex jinċentiva l-ispekulazzjoni u l-bini bl-addoċċ għas-skapitu tan-nies u tal-pajjiż.”
Ġie spjegat li l-viżjoni fit-tul ta’ ADPD għall-futur enerġetiku ta’ Malta hija mfissra fil-Green Vision 2050, li tipproponi bidla fundamentali ’l bogħod mid-dipendenza fuq fuels fossili lejn sistema enerġetika deċentralizzata u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli. Fost il-proposti ewlenin hemm:
- Investiment massiv fl-enerġija mix-xemx fuq il-bjut tad-djar, tal-binjiet kummerċjali u tal-infrastruttura pubblika.
- L-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-enerġija permezz ta’ koperattivi tal-enerġija rinnovabbli.
- Programmi fuq skala kbira għar-rinnovazzjoni u l-insulazzjoni tal-bini biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija.
- Investiment fil-ħażna tal-enerġija u f’netwerks intelliġenti biex jifilħu aktar enerġija rinnovabbli fis-sistema.
- Mira ta’ 50% elettriku minn sorsi rinnovabbli tal-2030, minflok il-mira fjakka ta’ 25%.
- L-elettrifikazzjoni tat-trasport flimkien mal-ġenerazzjoni tal-elettriku għat-trasport minn sorsi rinnovabbli.
“Dawn il-miżuri jnaqqsu d-dipendenza ta’ Malta fuq fuels fossili importati, jistabbilizzaw il-prezzijiet tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra,” tenniet Sandra Gauci.
L-esperjenza ta’ pajjiżi li diġà aċċelleraw it-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija rinnovabbli turi li l-enerġija nadifa tista’ tipproteġi lill-familji minn xokkijiet globali fil-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li toħloq impjiegi u ssaħħaħ is-sigurtà enerġetika nazzjonali.
“Malta ma tistax tkompli tiddependi fuq fuels fossili għal dejjem,” ikkonkludiet Gauci. “Futur ibbażat fuq enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika mhux biss huwa possibbli imma essenzjali. Il-Ministru tal-Finanzi tkellem fil-Parlament dwar ‘headroom’ jew ‘cushion’ permezz ta’ sussidji. L-aħjar u l-aqwa ‘cushion’ li jħalli aktar flus fil-pajjiż, li jkattar l-impjiegi moderni, jnaqqas it-tniġġis u jissalvagwardja s-saħħa tan-nies huwa l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.”
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD, Mario Mallia, Deputat Segretarju Ġenerali qal li l-mudell attwali tal-enerġija ta’ Malta jħalli lill-pajjiż espost b’mod perikoluż għal kriżijiet internazzjonali u xokkijiet fil-prezzijiet.
“Il-kriżijiet ġeopolitiċi riċenti għal darb’oħra wasslu biex il-prezzijiet tal-gass u fuels oħra jogħlew globalment. Pajjiżi li jiddependu ħafna fuq fuels fossili inevitabbilment jgħaddu dawn l-ispejjeż lill-konsumaturi jew inkella jżidu d-dejn b’mod insostenibbli. Dejn biex jiffinanzja l-ħruq u duħħan. Il-gvern ħalla lil Malta vulnerabbli għall-instabilità tas-swieq internazzjonali, meta jista’ jagħmel mod ieħor. Pajjiżi li investew kmieni u b’mod konsistenti fl-enerġija rinnovabbli illum qed igawdu minn sigurtà enerġetika akbar u prezzijiet aktar baxxi. Spanja, ngħidu aħna, irduppjat il-kapaċità tagħha ta’ enerġija mir-riħ u mix-xemx mill-2019 ’l hawn u llum għandha wieħed mill-inqas prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa, propju għax is-suq tal-elettriku tagħha jiddependi ħafna inqas fuq il-prezzijiet instabbli tal-gass. Dan biex ma nsemmux l-iżvilupp ta’ karrieri u postijiet tax-xogħol ġodda ġġenerati fit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli.
The post Malta qed tħallas prezz għoli għad-dipendenza fuq il-fuels fossili – ADPD appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →