Il-Ministeru tal-Isport jikkonferma rapporti ta’ serq mill-vouchers ta’ gym b’xejn
Politics 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 May 15, 2026 4:30 am

Il-Ministeru tal-Isport jikkonferma rapporti ta’ serq mill-vouchers ta’ gym b’xejn

Qed ikun allegat seraq ta’ mill-inqas €4,500 mit-taxxi tal-poplu, biż-żgħażagħ li ma jistgħux jibbenefikaw mis-6 xhur ta’ gym b’xejn The post Il-Ministeru tal-Isport jikkonferma rapporti ta’ serq mill-vouchers ta’ gym…

Il-Ministeru tal-Isports ikkonferma li rċieva rapporti dwar gym li allegatament uża l-vouchers ta’ gym b’xejn mogħtija mill-Gvern ta’ diversi żgħażagħ mingħajr ma kienu għamlu użu minn din l-iskema.

L-iskema bdiet tapplika minn Jannar li għadda, biż-żgħażagħ li għandhom ċans sa Lulju biex jużaw il-voucher. Mal-ewwel xhur tas-sena kienu ħafna dawk li marru fil-gym preferut tagħhom biex jagħmlu użu minn dan il-voucher iżda uħud minn dawk li marru biex jużaw il-voucher tagħhom f’Body Medics Fitness Club 24/7, iż-Żejtun intqalilhom li huma diġa’ kienu użaw dan il-voucher.

Persuna li tkellmet ma’ Newsbook Malta qalet kif hi qatt ma użat il-voucher tat-tieni skema u wisq inqas resqet lejn kwalunkwe gym mill-bidu tas-sena sa issa u b’hekk ma setgħet qatt użatu. Meta din il-persuna provat tispjega lil min hu responsabbli mill-gym li hi qatt ma użatu, it-tweġiba dejjem kienet li bilfors użat il-voucher għaliex is-sistema qed turi dan.

Din il-persuna saqsiet iktar nies jekk għaddewx mill-istess sitwazzjoni u iktar minn 15-il persuna avviċinaw lil dan iż-żagħżugħ u qalulu li huma għaddew mill-istess sitwazzjoni meta provaw jużaw il-voucher għand l-istess gym.

Dawn iż-żgħażagħ kollha kienu għamlu użu mill-ewwel skema maħruġa mill-Gvern għal gym b’xejn, bit-tieni skema tippermetti li l-istess żgħażagħ jerġgħu japplikaw għal xhur ta’ gym b’xejn.

L-ewwel skema li kienet ħarġet għas-sena l-oħra kienet toffri sitt xhur ta’ gym b’xejn lil dawk imwielda fl-2005, 2006, u 2007, jiġifieri dawk iż-żgħażagħ li dak iż-żmien kellhom bejn 18 u 20 sena.

It-tieni skema reġgħet ġeddet din l-inizzjattiva u kabbret iżjed tant li kienet tapplika għal dawk imwielda bejn l-2004 u l-2009, jiġifieri għal żgħażagħ li jkollhom bejn is-16 u l-21 sena. Għal dawk li kienu diġa’ għamlu użu mill-ewwel skema ta’ sitt xhur ta’ gym b’xejn, setgħu jerġgħu japplikaw għal sitt xhur oħra ta’ gym b’xejn matul din is-sena.

Iż-żgħażagħ qed jgħidu li l-gym fiż-Żejtun allegatament irreġistra l-vouchers tat-tieni skema billi uża l-istess informazzjoni tal-ewwel voucher minn dawk iż-żgħażagħ li kienu diġa’ żaru l-gym permezz tal-ewwel skema.

Fl-1 ta’ Jannar il-paġna ta’ Facebook ta’ Body Medics kienet ippubblikat poster jirreklama l-iskema ta’ gym b’xejn għaż-żgħażagħ, b’dan l-istess poster ma jinkludix is-snin 2005, 2006 u 2007, l-istess snin tal-ewwel skema.

Ritratt: Body Medics

Il-Ministeru tal-Isports, responsabbli mill-għotja ta’ dawn il-vouchers, ikkonferma ma’ Newsbook Malta li rċieva numru ta’ ilmenti dwar dan il-każ. Kelliem għall-Ministeru qal li ż-żgħażagħ ġew “inkoraġġuti biex isibu soluzzjoni diretta mal-gym” qabel ma l-Ministeru jieħu azzjoni.

F’każijiet fejn il-kwistjonijiet jibqgħu ma jiġux solvuti, il-Ministeru għandu jieħu azzjonijiet biex jassigura li l-membership jiġi mħassar u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jgħażlu gym alternattiv fejn jużaw il-voucher tagħhom.

F’każ fejn l-operatur tal-gym ma jikkoperax, il-Ministeru mistenni jdaħħal dikjarazzjoni formali li titlob li jiġi tterminat il-membership affetwat, inkluż il-flus ta’ €300 li suppost kull applikant tal-iskema japplika għalihom.

Newsbook Malta bagħat email lill-gym li qed ikun allegat b’dan kollu, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma kienx għadu rċieva tweġiba. Newsbook Malta mar personalment fil-gym biex jikkonferma li l-email kienet waslet għandhom iżda kien hemm rifjut li l-mistoqsijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet jiġu mwieġba, anke meta ġew infurmati li kienu se jingħataw jumejn oħra ċans.

Sal-ħin tal-pubbikazzjoni ta’ dan l-artiklu l-Pulizija ma kinitx għadha rċiviet rapporti ta’ dan it-tip, la mingħand l-applikanti affetwati u lanqas mingħand il-Ministeru responsabbli minn din l-iskema.

Lanqas l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, ma rċiviet rapporti dwar dan il-każ u b’hekk ma hemm l-ebda inveistigazzjoni għaddejja minnha.

The post Il-Ministeru tal-Isport jikkonferma rapporti ta’ serq mill-vouchers ta’ gym b’xejn appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →