Qassis DJ Padre Guilherme se jdoqq fl-Għaxaq Music Festival
Entertainment 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 June 13, 2026 2:11 pm

Qassis DJ Padre Guilherme se jdoqq fl-Għaxaq Music Festival

L-artist internazzjonali Padre Guilherme, magħruf bħala ‘DJ Priest’, se jingħaqad mal-line-up tal-Għaxaq Music Festival ta’ din is-sena. Huwa sar isem sinonimu ma’ enerġija, għaqda, u messaġġ pożittiv li jaqsam il-fruntieri.…

L-artist internazzjonali Padre Guilherme, magħruf bħala ‘DJ Priest’, se jingħaqad mal-line-up tal-Għaxaq Music Festival ta’ din is-sena. Huwa sar isem sinonimu ma’ enerġija, għaqda, u messaġġ pożittiv li jaqsam il-fruntieri.

Il-festival se jsir il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju.

Il-kapaċità ta’ Padre Guilherme li jgħaqqad il-mużika elettronika ma’ valuri universali għamlitu wieħed mill-aktar artisti uniċi fix-xena internazzjonali tal-lum.

Wara suċċess enormi fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona fl-2023, fejn anima folla ta’ aktar minn miljun persuna, Padre Guilherme kompla jespandi l-preżenza tiegħu fuq livell internazzjonali.

F’dawn l-aħħar snin kien mistieden jagħti wirjiet f’diversi bliet ewlenin madwar id-dinja fosthom Buenos Aires, Beirut, Madrid, Rio de Janeiro, São Paulo, Fatima, u diversi festivals u avvenimenti fl-Ewropa, l-Amerika Latina, u l-Lvant Nofsani – “Il-kombinazzjoni unika ta’ mużika elettronika, spiritwalità, u messaġġ ta’ tama għamlitu fenomenu globali li jattira udjenzi minn kull età u kultura”.

Din se tkun l-ewwel darba li Padre Guilherme se jdoqq live f’Malta, mument li jġib wieħed mill-aktar ‘DJ priests’ magħrufa fid-dinja fuq il-gżejjer Maltin għal esperjenza unika u storika għall-pubbliku lokali.

Il-preżenza tiegħu fil-festival se ġġib artist ta’ fama internazzjonali f’Malta kif ukoll personalità li permezz tal-mużika tagħha rnexxielha tgħaqqad miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Se jingħaqdu wkoll POU – Product of Us

Bħala special guests f’lejla bi spettaklu ta’ livell internazzjonali, se jingħaqdu ma’ Padre Guilherme POU – Product of Us, wieħed mill-aktar ismijiet rispettati fix-xena trance u electronic dance music fir-Renju Unit.

Bi produzzjonijiet li jindaqqu minn DJs ewlenin madwar id-dinja u wirjiet enerġetiċi quddiem eluf ta’ partitarji, POU se jżidu dimensjoni oħra ta’ eċitament.

Il-pubbliku se jgawdi wkoll minn talent lokali bil-prestazzjonijiet ta’ JJoy, Mux u Braynod, artisti Maltin li qed jagħmlu isem għalihom fix-xena mużikali lokali kif ukoll internazzjonali, u li se jżidu aktar enerġija u diversità fil-festival.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun storika bħala parti miċ ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq – “Erba’ sekli ta’ storja, tradizzjoni, fidi, u komunità se jiġu ċċelebrati permezz ta’ avveniment modern li jgħaqqad ġenerazzjonijiet differenti permezz tal-mużika”.

Festival b’risq Embrace Diversity Organisation

Il-festival għandu wkoll għan nobbli hekk kif qed jittella’ b’risq Embrace Diversity Organisation, organizzazzjoni volontarja li tieħu ħsieb tfal u minuri b’diżabilità.

Kull biljett mixtri se jikkontribwixxi direttament biex l-organizzazzjoni tkompli twettaq il-ħidma tagħha favur dawn it-tfal u l-familji tagħhom, filwaqt li tippromwovi soċjetà aktar inklużiva u li tagħti opportunitajiet ugwali lil kulħadd.

Kif takkwista l-biljett tiegħek?

Il-biljetti huma disponibbli minn showshappening.com minn issa.

L-organizzaturi qed iħeġġu lill-pubbliku jassigura postu kmieni.

Għaxaq Musical Festival huwa organizzat mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq u jsir taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

The post Qassis DJ Padre Guilherme se jdoqq fl-Għaxaq Music Festival appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →