Tarbija fil-periklu tal-mewt: Il-Gvern jgħid li ċ-childcare mexa mal-“protokolli stabbiliti fir-rispons inizjali”
Politics 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 June 16, 2026 4:30 am

Tarbija fil-periklu tal-mewt: Il-Gvern jgħid li ċ-childcare mexa mal-“protokolli stabbiliti fir-rispons inizjali”

Tifel ta’ 4 xhur kien instab mitluf minn sensih f’childcare centre fl-Imsida u għadu sa issa jissielet għal ħajtu fl-Isptar Mater Dei The post Tarbija fil-periklu tal-mewt: Il-Gvern jgħid li…

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li ċ-childcare centre fl-Imsida mexa mal-“protokolli u l-proċeduri stabbiliti fir-rispons inizjali” meta tarbija spiċċat issofri minn ġrieħi serji.

Tifel ta’ 4 xhur kien instab mitluf minn sensih f’childcare centre, bil-Pulizija kienet qalet li meta waslet fil-post sabet membri tal-istess ċentru qed jagħtu l-assistenza medika. Jiem wara Newsbook Malta kien irrapporta li t-tifel kien għadu fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ħatar inkjesta, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Mistoqsijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet mibgħuta liċ-ċentru baqgħu qatt ma ġew imwieġba.

Mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni ġew imwieġba fejn intqal li jinsabu f’kuntatt mal-maniġment taċ-childcare centre privat u qed isegwu l-iżviluppi mill-qrib. Kelliem għall-Ministeru ma daħalx fid-dettall dwar f’liema stadju waslet l-investigazzjoni.

Carer waħda għal kull 3 trabi

Spjegaw li kif hu stipulat fl-Istandards Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Kura tat-Tfal (0–3), il-proporzjon meħtieġ għall-grupp ta’ età 0–1 huwa ta’ carer wieħed għal kull tliet trabi. “L-Istandards Nazzjonali jeħtieġu wkoll li kull edukatur tal-kura tat-tfal impjegat miċ-ċentru jkun imħarreġ fl-ewwel għajnuna pedjatrika,” kompla jispjega kelliem għall-Ministeru.

Il-Ministeru ma kkonfermax jekk iċ-childcare centre kienx qed isegwi dak stipulat għall-proporzjon meħtieġ.

Mhux magħruf lanqas jekk ġewx identifikati nuqqasijiet li saru miċ-childcare centre skont dak li tgħid il-liġi iżda li hu fiċ-ċert, skont il-Ministeru, li l-membri li kien hemm fiċ-ċentru segwew il-protokolli u l-proċeduri stabbiliti fejn daħlet l-ewwel għajnuna.

Ma’ Newsbook Malta diversi pedjatri insistew kemm huwa importanti li l-ġenituri u l-ħaddiema kollha fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal ikunu mħarrġa fil-first aid għat-trabi u t-tfal.

The post Tarbija fil-periklu tal-mewt: Il-Gvern jgħid li ċ-childcare mexa mal-“protokolli stabbiliti fir-rispons inizjali” appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →