Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCAST isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni artistika u s-settur kreattiv
L-iffirmar sar fil-kuntest tal-għaxar edizzjoni tal-MCAST ICA Festival, li jiċċelebra x-xogħol tal-istudenti minn 12-il kors tal-Baċellerat bl-Unuri fl-Arti. The post Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCAST isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni artistika…
Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) tal-MCAST iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni li jsaħħaħ ir-relazzjoni ta’ ħidma bejn iż-żewġ entitajiet u jistabbilixxi qafas aktar ċar għall-kollaborazzjoni fl-arti, fil-kultura u fl-industriji kreattivi.
Il-ftehim huwa allinjat mal-Istrateġija 2030 u jirrikonoxxi l-importanza ta’ kollaborazzjoni strutturata fl-iżvilupp tal-arti f’Malta. Huwa mistenni jsaħħaħ il-parteċipazzjoni fil-kultura, jappoġġja aktar professjonalizzazzjoni fis-settur u jħeġġeġ involviment akbar tal-istudenti fil-programmi u l-inizjattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti.
L-iffirmar sar fil-kuntest tal-għaxar edizzjoni tal-MCAST ICA Festival, li jiċċelebra x-xogħol tal-istudenti minn 12-il kors tal-Baċellerat bl-Unuri fl-Arti.
Permezz tal-ftehim, il-Kunsill Malti għall-Arti se jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-produzzjoni tal-festival u għar-remunerazzjoni ta’ kuratur professjonali. Dan se jmexxi l-kurazija tal-wirja filwaqt li jiggwida lill-istudenti fil-prattika kuratorjali, u b’hekk jagħtihom esperjenza diretta u kuntatt aktar mill-qrib ma’ din il-professjoni.
Il-ftehim isaħħaħ ukoll ir-rabta bejn l-edukazzjoni u s-settur kulturali professjonali, filwaqt li jagħti lill-istudenti viżibbiltà akbar tal-opportunitajiet li jeżistu lil hinn mill-kors ta’ studju tagħhom. Fl-istess ħin, jippermetti liż-żewġ istituzzjonijiet iwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tal-artisti, tal-ħaddiema kulturali, tal-edukaturi u tal-professjonisti kreattivi emerġenti.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, qal li l-investiment fl-edukazzjoni artistika u kreattiva huwa investiment dirett fil-futur tas-settur kulturali.
“Il-Kunsill Malti għall-Arti jemmen li l-investiment fl-edukazzjoni artistika u kreattiva huwa investiment dirett fil-futur tas-settur kulturali tagħna. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal din mal-MCAST, qed ngħinu biex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom aċċess għal għodod, esperjenzi u opportunitajiet li jsaħħu l-iżvilupp professjonali tagħhom. Dan huwa pass importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nippromwovu professjonalizzazzjoni akbar tas-settur u nappoġġjaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ artisti u kreattivi Maltin.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, Steven Vella, qal li l-ftehim ikompli jsaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni kreattiva u s-settur professjonali li fih l-istudenti qed jitħejjew biex jidħlu.
“L-MCAST ICA Festival diġà jagħti lill-istudenti pjattaforma pubblika biex jippreżentaw il-kwalità u l-ambizzjoni tax-xogħol tagħhom. Din il-kollaborazzjoni msaħħa żżid dimensjoni oħra ma’ din l-esperjenza billi tagħti lill-istudenti aċċess għal gwida kuratorjali u kuntatt aktar mill-qrib mas-settur professjonali.”
Għal aktar informazzjoni dwar il-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Arti, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill.
The post Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCAST isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni artistika u s-settur kreattiv appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →