Din l-Art Ħelwa: “Niddefendu l-wirt u l-istat tad-dritt”
Din l-Art Ħelwa saħqet li l-parteċipazzjoni tagħha mhijiex att politiku, iżda estensjoni tal-ħidma tagħha. The post Din l-Art Ħelwa: “Niddefendu l-wirt u l-istat tad-dritt” appeared first on Newsbook.
Din l-Art Ħelwa ħabbret li se tkun qed tappoġġja u tipparteċipa fil-protesta nazzjonali ta’ solidarjetà li se ssir fis-16 ta’ Settembru.
L-organizzazzjoni qalet li d-deċiżjoni ttieħdet wara kunsiderazzjoni mill-Kunsill tagħha u hija marbuta mal-impenn tagħha għall-ħarsien tal-wirt kulturali u naturali ta’ Malta.
Din l-Art Ħelwa saħqet li l-parteċipazzjoni tagħha mhijiex att politiku, iżda estensjoni tal-ħidma tagħha. Għal aktar minn sitt deċennji, l-organizzazzjoni qalet li ħadmet biex tqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-wirt mibni, id-degradazzjoni tal-ambjent naturali u l-importanza ta’ governanza tajba fl-ippjanar u l-iżvilupp.
Hija sostniet li l-ħarsien tal-wirt u tal-kampanja ma jistax ikun garantit f’kuntest fejn ikun hemm impunità, u li l-istat tad-dritt huwa l-pedament tal-protezzjoni tal-wirt ta’ Malta.
Skont Din l-Art Ħelwa, mingħajr sistema ġudizzjarja li tiffunzjona u stampa ħielsa, il-liġijiet maħsuba biex jipproteġu l-ambjent u s-siti storiċi jistgħu jitilfu s-sens tagħhom.
L-organizzazzjoni rreferiet ukoll għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ddedikat ħajjitha biex tikxef il-korruzzjoni, u qalet li dan kien attakk dirett fuq il-pilastri tad-demokrazija u tal-ġustizzja.
Din l-Art Ħelwa qalet li l-ħarsien tal-istat tad-dritt huwa marbut direttament mad-difiża tal-wirt ta’ Malta. Hija esprimiet solidarjetà mal-familja Caruana Galizia u maċ-ċittadini kollha li jitolbu l-verità u r-responsabbiltà.
L-organizzazzjoni appellat lill-membri tagħha u lill-pubbliku biex jingħaqdu magħha fil-protesta tas-16 ta’ Settembru, biex jintwera li l-wirt ta’ Malta, l-istorja, l-ambjent u d-demokrazija tagħha jistħoqqlu li jiġi difiż.
The post Din l-Art Ħelwa: “Niddefendu l-wirt u l-istat tad-dritt” appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →