Il-PE b’iktar skrutinju fuq Malta u missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni wara l-verdett
Grupp ta’ monitoraġġ tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jżid l-iskrutinju tiegħu fuq Malta u jorganizza missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni wara l-aħħar żviluppi fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. The…
Grupp ta’ monitoraġġ tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jżid l-iskrutinju tiegħu fuq Malta u jorganizza missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni wara l-aħħar żviluppi fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Grupp ta’ Monitoraġġ tal-Parlament Ewropew dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali ħa din id-deċiżjoni wara l-ħelsien mill-akkużi ta’ Yorgen Fenech “u t-tħassib serju li dan qajjem f’Malta u madwar l-Ewropa.”
“Din il-missjoni hija konsegwenza diretta ta’ snin ta’ fallimenti mill-Gvern Malti u mill-Istat kollu kemm hu biex issir ġustizzja sħiħa ma’ Daphne Caruana Galizia,” qal l-MEP David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.
“Dan mhuwiex attakk fuq il-qrati jew il-ġudikatura. L-indipendenza tagħhom għandha dejjem tiġi rispettata. Iżda li nirrispettaw il-verdett ma jfissirx li għandna ninjoraw il-fallimenti usa’ li wassluna s’hawn.”

Casa qal li hemm mistoqsijiet serji dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, il-każ imressaq mill-prosekuzzjoni, kif ġiet trattata evidenza kruċjali u n-nuqqas li jiġu investigati bis-sħiħ persuni oħra f’pożizzjonijiet ta’ poter.
Il-Grupp ta’ Monitoraġġ twaqqaf għall-ewwel darba wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Malta u Ján Kuciak fis-Slovakkja. Il-ħidma tiegħu tkopri theddid għall-istat tad-dritt, il-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE.
“L-eżekuturi jinsabu l-ħabs. Dawk li pprovdew il-bomba nstabu ħatja. Il-middleman ammetta r-rwol tiegħu. Madankollu, kważi disa’ snin wara, ħadd għadu ma nstab ħati li ordna l-qtil ta’ Daphne,” qal Casa.
“Il-Gvern naqas ukoll milli jimplimenta bis-sħiħ is-sejbiet tal-Inkjesta Pubblika indipendenti. Dik l-Inkjesta sabet li l-Istat ħoloq il-klima ta’ impunità li għamlet possibbli l-qtil ta’ Daphne.”
Casa qal li se jkompli jaqdi dmiru biex jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ Malta jagħmlu xogħolhom, jipproteġu liċ-ċittadini u jevitaw fallimenti li jistgħu jwasslu għal inġustizzji serji.
Qal li kull ċittadin għandu d-dritt għal istituzzjonijiet li jaħdmu, investigazzjonijiet tal-Pulizija li jkunu kompluti u prosekuzzjonijiet b’saħħithom.
“Il-Parlament Ewropew issa se jżid l-iskrutinju tiegħu u jiġi Malta biex ifittex tweġibiet. Ma jistax ikun li l-istorja tieqaf hawn.”
The post Il-PE b’iktar skrutinju fuq Malta u missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni wara l-verdett appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →