Sitt għaqdiet studenteski jsejħu għar-riżenja ta’ Johann Buttigieg
Iktar vuċijiet isejħu għar-riżenja tal-Kap tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, din id-darba b’appell konġunt minn sitt għaqdiet studenteski. The post Sitt għaqdiet studenteski jsejħu għar-riżenja ta’ Johann Buttigieg appeared first on…
Iktar vuċijiet isejħu għar-riżenja tal-Kap tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, din id-darba b’appell konġunt minn sitt għaqdiet studenteski.
Buttigieg qed jaffaċċja pressjoni biex jirriżenja wara li t-Times ilbieraħ żvelat il-kontenut sħiħ taċ-chats li kellu ma’ Yorgen Fenech. F’dawn il-messaġġi t-tnejn kienu qed jiddiskutu negozju flimkien, il-valutazzjoni ta’ artijiet u anke l-approvazzoni li Fenech kien ġab mingħand Joseph Muscat, li fiċ-chats huwa msemmi bħala “x-xiħ.”
Fi stqarrija konġunta, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), l-Earth Systems Association (ESA), il-History of Art and Fine Arts Students’ Association, Students For Liberty Malta, JEF Malta u l-Classics & Archaeology Students’ Association (CASA) qalu li Buttigieg għandu jirriżenja.
Qalu li dawn il-messaġġi jqajjmu mistoqsijiet dwar ir-rabtiet bejn il-politiċi, l-awtoritajiet regolatorji u n-negozju f’Malta.
“Meta l-persuna responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-iżvilupp tiddiskuti opportunitajiet kummerċjali ma’ persuna li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess regolatur, il-kunflitt ta’ interess ikun wieħed ċar,” qalu l-għaqdiet.
Qalu li dawn it-tip ta’ relazzjonijiet joħolqu ambjent fejn ir-relazzjonijiet personali u l-prossimità lejn dawk fil-poter isiru iktar importanti mit-trasparenza u l-imparzjalità.
L-għaqdiet qalu li minkejja li dawn il-messaġġi minnhom innifsihom mhumiex prova ta’ xi reat, l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jimxi bi standards għoljin.
Is-sitwazzjoni hija iktar inkwetanti meta wieħed jikkunsidra l-fatt li, sitt snin wara li sar magħruf il-kontenut tal-messaġġi, Buttigieg reġa’ tpoġġa fit-tmexxija tal-PA.
L-għaqdiet qalu li din hija kwistjoni ta’ integrità tal-istituzzjonijiet u l-kap tar-regolatur tal-iżvilupp f’pajjiżna għandu jkun ‘il fuq minn kull suspett fejn jidħlu relazzjonijiet kummerċjali privati. Qalu li biex jerġa’ jkun hemm fiduċja fis-sistema tal-ippjanar hemm bżonn li dawk li ġew fdati bil-poter jerfgħu r-responsabbiltà meta l-aġir tagħhom jimmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet li jmexxu.
Qalu li hemm bżonn ukoll diskussjoni iktar wiesa’ dwar is-sistema tal-ippjanar f’Malta.
L-għaqdiet studentestki jingħaqdu ma’ oħrajn, fosthom il-Partit Nazzjonalista, il-Moviment Graffitti, l-għaqda Repubblika u l-partit Momentum, li wkoll qed isejħu għar-riżenja ta’ Buttigieg.
Ilbieraħ, kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll l-eks prim ministru Joseph Muscat iddefendew lil Buttigieg u qalu li għandhom fiduċja fih.
The post Sitt għaqdiet studenteski jsejħu għar-riżenja ta’ Johann Buttigieg appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →