Il-PN se jressaq 10 abbozzi ta’ liġi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne
General 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 September 11, 2026 5:51 pm

Il-PN se jressaq 10 abbozzi ta’ liġi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni parlamentari b’numru ta’ abbozzi ta’ liġi biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. The post Il-PN se jressaq 10…

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni parlamentari b’numru ta’ abbozzi ta’ liġi biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dawn jinkludu protezzjoni kostituzzjonali għall-ġurnalisti, l-introduzzjoni tat-tfixkil tal-ġustizzja bħala reat u regoli dwar il-caretaker government.

Dan ħabbru l-Kap tal-PN Alex Borg waqt laqgħa mal-istakeholders, NGOs u għaqdiet tas-soċjetà ċivili dwar l-istat attwali ta’ pajjiżna u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta.

Borg qal li dan l-Abbozz imsejjaħ “Omnibus Bill”, li se jitressaq meta l-Kamra terġa’ tibda tiltaqa’ wara l-waqfa tas-sajf, se jkun fih 10 riformi ewlenin u se jitressaq quddiem il-Kamra tad-Deputati wara li ftit jiem ilu – wara l-verdett fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – il-Gvern irrifjuta li jiddibatti Mozzjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jiġu implimentati sal-aħħar ta’ Ottubru.

Il-laqgħa kellha l-għan li toħloq spazju miftuħ ta’ riflessjoni u diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż illum, it-tħassib u l-isfidi li qed jiffaċċja, kif ukoll il-prijoritajiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati f’dan il-mument. Għaliha attendew rappreżentanti tal-Gozo Tourism Association (GTA), il-Malta Employers, il-GWU, The Malta Chamber, iċ-Chamber of SMEs, il-UĦM Voice of the Workers, l-MEIA, il-Gozo Business Chamber, l-MHRA, is-CMTU, PEN Malta, Repubblika, Ramblers’ Association of Malta, il-KSU, l-SDM, il-KNŻ, SOS Malta, Kopin, Friends of the Earth Malta u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA).

Akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione kif ukoll mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio, Alex Borg sostna li dan l-Abbozz jiġbor fih numru ta’ emendi li l-PN jemmen li għandhom jidħlu fis-seħħ fil-liġijiet ta’ pajjiżna. Huwa insista li l-għan ta’ dawn ir-riformi għandu jkun li terġa’ tinkiseb il-fiduċja kemm fil-politiċi b’mod ġenerali kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li fix-xhur li ġejjin il-PN se jagħfas fuq żewġ punti kruċjali: riforma olistika li tibda minn dan l-Omnibus Bill u li ssir ġustizzja b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Alex Borg qal li disa’ snin wara l-assassinju, minkejja l-investigazzjonijiet u l-ġuri li sar, il-mandant jew mandanti għadhom ma refgħux responsabbiltà. Huwa ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda inkwetanti mhux biss għal Malta iżda wkoll għall-bqija tal-Ewropa. Il-Kap tal-PN sostna li Malta għandha tibqa’ titqies bħala Stat Ewropew b’saħħtu u eżemplari, filwaqt li qal li dan il-kapitlu jista’ jibda jingħalaq biss jekk isiru r-riformi meħtieġa u ssir ġustizzja.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, min-naħa tiegħu, qal li l-pajjiż jinsab quddiem “mument ta’ impatt u ta’ effett nazzjonali ferm iżjed milli politiku.” Huwa qal li dak li ħareġ matul il-ġuri ppreżenta realtà serja u inkwetanti, filwaqt li ħalla impatt fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet. Alex Perici Calascione insista li ħadd ma jista’ jaħseb li wara dak kollu li ħareġ, il-pajjiż jista’ sempliċiment ikompli “business as usual”. Qal li l-preokkupazzjoni qed tinħass ukoll fost persuni li m’għandhom ebda affiljazzjoni jew simpatija partikolari lejn il-Partit Nazzjonalista. Sostna li biex terġa’ tinbena l-fiduċja hemm bżonn istituzzjonijiet immexxija b’integrità u riformi konkreti li jiggarantixxu t-tħaddim xieraq tas-Saltna tad-Dritt.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio ffoka fuq l-emendi leġiżlattivi proposti mill-PN biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika. Huwa fakkar fil-Mozzjoni mressqa fil-Parlament biex l-implimentazzjoni tagħhom tiġi rikonoxxuta bħala dmir tal-Istat. Joe Giglio sostna li dawn il-miżuri mhux biss huma intiżi biex isaħħu s-saltna tad-dritt, iżda jgħinu biex Malta terġa’ tikseb il-kredibbiltà tagħha. Huwa insista li dan mhux il-format finali, u għalhekk li saret din il-laqgħa sabiex dawn ir-riformi proposti jkunu diskussi u fejn hemm lok ta’ titjib u input mill-imsieħba soċjali jsir.

L-abbozzi li se jressaq il-PN

It-tibdiliet proposti fl-Abbozz ta’ Liġi li ġie diskuss mal-imsieħba preżenti għandhom l-għan li jsaħħu s-saltna tad-dritt, iżidu l-kontabbiltà fl-amministrazzjoni pubblika, jagħtu lill-awtoritajiet għodod aktar b’saħħithom kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jsaħħu l-protezzjoni legali u Kostituzzjonali tal-ġurnaliżmu u tal-parteċipazzjoni pubblika fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. L-10 oqsma li jkopru huma:

1. Dmirijiet kostituzzjonali tal-gvern

L-ewwel miżura temenda l-Kostituzzjoni biex tniżżel b’mod ċar numru ta’ dmirijiet fundamentali li kull gvern għandu josserva meta jeżerċita l-poter pubbliku.

2. Qafas kostituzzjonali għal caretaker government

It-tieni miżura ddaħħal fil-Kostituzzjoni qafas ċar dwar kif għandu jaġixxi l-gvern fil-perjodu bejn ix-xoljiment tal-Parlament u l-formazzjoni ta’ gvern ġdid wara elezzjoni ġenerali.

3. Reat speċifiku ta’ tfixkil tal-ġustizzja

It-tielet miżura temenda l-Kodiċi Kriminali biex toħloq reati speċifiċi kontra min jiprova jfixkel jew jinfluwenza b’mod illeċitu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

4. Responsabbiltà kriminali għal uffiċjali pubbliċi li jonqsu deliberatament milli jwettqu dmirijiethom

Ir-raba’ miżura tintroduċi konsegwenzi kriminali għal uffiċjali pubbliċi li, mingħajr raġuni valida, jirrifjutaw jew jonqsu milli jwettqu dmir marbut mal-kariga tagħhom.

5. Użu mhux awtorizzat ta’ mezzi elettroniċi minn uffiċjali pubbliċi

Il-ħames miżura toħloq reat ġdid dwar l-użu ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali jew mhux awtorizzati minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

6. Parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża

Is-sitt miżura ddaħħal fil-liġi kriminali Maltija reat speċifiku marbut ma’ assoċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża. Is-sħubija fiha nnifisha f’organizzazzjoni bħal din, magħmula minn tliet persuni jew aktar, issir reat, b’pieni aktar għoljin għal min jippromwoviha, jorganizzaha jew imexxiha.

7. Ordnijiet ta’ ġid mhux spjegat

Is-seba’ miżura temenda l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus biex tintroduċi Ordnijiet ta’ ġid mhux spjegat. Fuq talba tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti Kriminali tkun tista’ tobbliga persuna tispjega x’interess għandha fi proprjetà partikolari, kif akkwistatha u, fejn meħtieġ, tipproduċi dokumenti relatati magħha.

8. Reat ġdid ta’ abbuż mill-awtorità pubblika

It-tmien miżura toħloq reat kriminali speċifiku ta’ abbuż mill-awtorità pubblika minn uffiċjali u impjegati pubbliċi. Dan japplika meta uffiċjal jikser regola legali speċifika li tirregola funzjoni fejn il-liġi ma tħallihx diskrezzjoni.

9. Protezzjoni kostituzzjonali għall-ġurnaliżmu ħieles u indipendenti

Id-disa’ miżura ssaħħaħ b’mod sostanzjali r-rikonoxximent u l-protezzjoni kostituzzjonali tal-ġurnaliżmu u tal-libertà tal-istampa. L-abbozz isaħħaħ ukoll l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u jirrikonoxxi b’mod speċifiku d-dritt għal ġurnaliżmu ħieles u indipendenti.

10. Protezzjoni aktar b’saħħitha kontra l-proċeduri SLAPP

L-għaxar miżura tittratta l-hekk imsejħa Strategic Lawsuits Against Public Participation, jew SLAPPs – proċeduri legali li jintużaw jew li jkollhom l-effett li jintimidaw, jgħabbu jew isikktu ġurnalisti, attivisti jew persuni oħra li jipparteċipaw f’dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. L-abbozz jemenda l-Att dwar il-Midja u l-Malafama biex, meta Qorti tkun qed tiddeċiedi jekk kienx raġonevoli li l-konvenut jemmen li pubblikazzjoni kienet fl-interess pubbliku, tqis kemm il-ġudizzju editorjali kif ukoll l-importanza li persuna tkun tista’ tipparteċipa fid-dibattitu pubbliku mingħajr biża’ ta’ azzjoni legali.

The post Il-PN se jressaq 10 abbozzi ta’ liġi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →