Il-Munxar jipprepara għal spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar
General 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 September 12, 2026 2:28 pm

Il-Munxar jipprepara għal spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar

Illejla l-Munxar se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif ir-raħal qed jiċċelebra l-festa ta’ San Pawl Nawfragu, b’wieħed mill-aktar spettakli tan-nar mistennija, ‘Light Up The Sky’, li se jittella’ fid-9.30pm fi…

Illejla l-Munxar se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif ir-raħal qed jiċċelebra l-festa ta’ San Pawl Nawfragu, b’wieħed mill-aktar spettakli tan-nar mistennija, ‘Light Up The Sky’, li se jittella’ illejla fid-9.30pm fi Triq l-Andrijiet.

Il-festa tal-Munxar, li tradizzjonalment tkun l-ewwel festa parrokkjali tas-sena f’Għawdex, din is-sena saret l-aħħar waħda, wara li kienet tmexxiet minħabba l-elezzjoni ġenerali.

L-ispettaklu ‘Light Up The Sky’, li se jikkombina n-nar mal-mużika f’wirja sinkronizzata. Għall-ispettaklu se tintuża s-sistema Ten2 Firing System.

Din is-sena, dawk li jixtiequ jgawdu l-ispettaklu bilqiegħda se jkollhom ukoll siġġijiet disponibbli fi Triq l-Andrijiet. Is-siġġijiet jistgħu jiġu bbukkjati b’donazzjoni ta’ €4. Il-bookings jistgħu jsiru permezz tal-pjattaforma uffiċjali tal-festa.

Wara l-festa tal-Munxar se ssir festa oħra, dik tal-Madonna tal-Grazzja hekk kif l-Aħwa Minuri Kapuċċini kienu avżaw li bi qbil mal-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex, il-festa se tiġi ċċelebrata l-Ħadd 20 ta’ Settembru.

F’kumment lil Newsbook Malta, is-Sindku tal-Munxar, Damien Spiteri, irringrazzja lill-għadd kbir ta’ voluntiera li jaħdmu bla waqfien matul is-sena kollha sabiex, flimkien bħala komunità, tkun tista’ tittella’ l-festa tar-raħal.

Is-Sindku stieden lil kulħadd sabiex fi tmiem il-ġimgħa jżur il-Munxar u jgawdi mill-ispettakli li ġew ippreparati mill-Munxarin.

Il-festa tal-Munxar għalhekk qed tagħlaq il-kalendarju tal-festi parrokkjali f’Għawdex b’serata ta’ ċelebrazzjoni, mużika u spettaklu pirotekniku.

The post Il-Munxar jipprepara għal spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →