Project Green tiddedika kważi €627,000 f’attivitajiet u f’informazzjoni
Environment 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 December 30, 2025 5:00 pm

Project Green tiddedika kważi €627,000 f’attivitajiet u f’informazzjoni

L-aġenzija għamlet total ta’ 41 attività, apparti l-ġonna li qed jiġu mnedija minn xahar għall-ieħor The post Project Green tiddedika kważi €627,000 f’attivitajiet u f’informazzjoni appeared first on Newsbook.

Project Green iddedikat total ta’ €626,766 f’attivitajiet u f’informazzjoni dwar ix-xogħol kollu li sar minnha fl-aħħar tliet snin. Fil-fatt, l-aġenzija tassigura li l-proġetti tagħha jaslu għand il-familji biex evetwalment dawn l-istess proġetti jiġu mgawdija minnhom.

Mill-2023 sa din is-sena Project Green organizzat 21 tip ta’ attività differenti b’uħud minnhom isiru iktar minn darba, normalment fi ġranet differenti, għalkemm kien hemm każi fl-istess jum, għal total ta’ 41 attività. Dawn l-attivitajiet ikunu jirrikjedu loġistika li f’diversi każi anke tkun offruta b’xejn lil NGOs li jipparteċipaw, kif ukoll is-sehem ta’ artisti jew entertainers professjonali.

Xi spejjeż kien hemm sa issa?

Fl-2023 Project Green investiet €112,000 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €122,000 f’informazzjoni kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar il-proġetti li nistiednu lin-nies iżuru u jgawduhom mal-familji.

Fl-2024 Project Green investiet €12,824 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €107,176 f’informazzjoni. Fl-2024, Project Green uża biss 7% tal-fondi allokati għalih, bil-maġġorparti l-kbira tal-fondi ma ġewx użati.

Din is-sena investiet €180,528 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €92,238 f’informazzjoni. Fost dawn kien hemm il-preżentatur Ricky Caruana li ħa €10,000 biex jippromwovi s-siġar fl-inizjattiva ta’ Tree Planting.

X’inhu xogħol Project Green?

Project Green għaddejja b’xogħol madwar il-pajjiż għal iktar spazji miftuħa ġodda, fosthom f’postijiet li kienu maħsuba għall-iżvilupp, tirriġenera spazji miftuħa li tħallew mitluqa għal ħafna snin, filwaqt li tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tagħhom. 

Project Green qed tintervjeni wkoll f’postijiet naturali bħal widien biex tagħmilhom iktar aċċessibbli u siguri, kif ukoll nediet skemi biex tagħti opportunità lin-nies jagħmlu l-parti tagħhom, bħal fost oħrajn bit-tħawwil tas-siġar.  

Fix-xogħol li tagħmel Project Green torganizza wkoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika sa minn qabel it-tfassil tal-proġetti. Filwaqt li dan hu evidenti ħafna fil-mod kif qed naħdmu fuq it-tliet proġetti ta’ parks nazzjonali, din hija l-prassi anke fi proġetti oħra fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn Project Green organizzat 50 laqgħa ta’ konsultazzjoni. 

Il-Gvern bħalissa għaddej b’konsultazzjoni nazzjonali dwar parks nazzjonali ġodda, saħansitra f’postijiet li għal snin twal il-pajjiż kien qed jara potenzjal ekonomiku u llum ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm prijoritajiet soċjali u ambjentali. 

Fl-istess ħin, Project Green u l-Gvern daqstant ieħor huma kommessi li dawn l-ispazji jkunu iktar magħrufa man-nies li għandhom anke jikkontribwixxu fit-tfassil tagħhom u saħansitra torganizza avvenimenti biex jitgawdew, minn sezzjonijiet differenti tas-soċjetà.

The post Project Green tiddedika kważi €627,000 f’attivitajiet u f’informazzjoni appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →