Adrian Delia jallega li Ministeri qed joffru impjiegi li “jibdew mit-Tnejn”
Politics 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 April 30, 2026 7:14 pm

Adrian Delia jallega li Ministeri qed joffru impjiegi li “jibdew mit-Tnejn”

Id-deputat tal-PN Adrian Delia qal li xi Ministeri qed iċemplu lin-nies u joffrulhom impjiegi li jibdew immedjatament, qabel l-elezzjoni. The post Adrian Delia jallega li Ministeri qed joffru impjiegi li…

Id-deputat tal-PN Adrian Delia qal li xi Ministeri qed iċemplu lin-nies u joffrulhom impjiegi li jibdew immedjatament, qabel l-elezzjoni.

Delia kien qed jikkjarifika stqarrija li saret fil-bidu ta’ konferenza tal-aħbarijiet tal-PN meta l-kollega tiegħu Ian Vassallo qal li l-Partit Laburista kien qed jipprova “jixtri” lin-nies fl-ewwel jiem tal-kampanja elettorali.

Adrian Delia qal li diversi ministeri qed “jagħmlu minn kollox” biex jagħmlu l-pjaċiri bil-għan li jiksbu voti.

“F’każ li naf bih, persuna rċeviet telefonata u qalulha li tista’ tibda taħdem mit-Tnejn u ġġib magħha biss il-karta tal-identità u safety shoes,” qal Delia.

“Din il-persuna kienet applikat għall-impjieg żmien ilu u dak li ma kinux jafu huwa li din il-persuna ma tistax tibqa’ tagħmel dak ix-xogħol,” żied jgħid.

L-eks mexxej tal-PN qal li l-ministeru partikolari lanqas biss ħa l-ħin biex jiċċekkja x’kien ġara lil dik il-persuna għax “kienu wisq iffukati fuq l-għan tagħhom li jiksbu l-vot tiegħu”.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-PN il-Ħamis wara nofsinhar, il-kelliem tal-PN dwar is-saħħa mentali Ian Vassallo beda d-diskors tiegħu billi qal li l-PL qed jipprova “jixtri lin-nies” fl-elezzjoni, qabel ma reġa’ elenka l-proposti fis-settur tas-saħħa li ħabbar il-PN.

Intant Adrian Delia semma li bil-proposti tiegħu il-Partit Laburista juri li “jrid jagħmel minn kollox biex jikseb voti”.

“Il-proposta tagħna tal-baby bond tfisser li ninvestu €5,000 f’bond għal kull tifel jew tifla, u meta jagħlqu 18 jew 21 sena, dawk il-flus ikunu rdoppjaw, ittripplaw jew saħansitra aktar minn hekk.”

“Min-naħa l-oħra, il-PL qed jgħid li se jagħti għotja fi flus kontanti ta’ €5,000…Il-PL irid jagħtik xi ħaġa biex jieħu lura, filwaqt li l-PN irid jinvesti fik fit-tul,” qal Delia

Huwa qal li l-PL qed joħloq realtà fejn in-nies ikollhom bżonn jitolbu lill-gvern għall-għajnuna biex jgħixu.

The post Adrian Delia jallega li Ministeri qed joffru impjiegi li “jibdew mit-Tnejn” appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →