Agius jitlob li l-kura tas-saħħa barra minn Malta ssir aktar aċċessibbli
Il-proposti jinkludu wkoll il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u t-twessigħ tas-servizzi tas-saħħa koperti mis-sistema nazzjonali għall-kura barra minn Malta. The post Agius jitlob li l-kura tas-saħħa barra minn Malta ssir aktar aċċessibbli…
Il-Parlament Ewropew qed jiddiskuti reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, li tagħti liċ-ċittadini Ewropej aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra tal-UE.
Waqt dibattitu fil-Kumitat għas-Saħħa Pubblika, l-MEP Peter Agius qal li, minkejja l-opportunitajiet li toffri d-Direttiva, din ftit li xejn qed tintuża f’Malta. Huwa qal li waħda mir-raġunijiet ewlenin hija li l-pazjenti jkollhom iħallsu spejjeż għoljin minn buthom qabel jirċievu r-rifużjoni.
Skont data għall-2021, 15-il pazjent Malti biss irċevew kura fi Stati Membri oħra tal-UE taħt id-Direttiva. Dan meta mijiet ta’ pazjenti Maltin jintbagħtu fir-Renju Unit għall-kura permezz tal-ftehim bilaterali ta’ Malta mal-NHS.
Agius qal li aktar pazjenti Maltin jistgħu jibbenefikaw minn kura speċjalizzata fl-UE jekk l-opportunitajiet ikunu magħrufa aħjar u l-proċeduri jsiru aktar sempliċi u aċċessibbli.
“L-isptarijiet fir-Renju Unit taw il-kura lil mijiet ta’ għeżież tagħna, u rridu nkomplu nsaħħu r-relazzjoni eċċellenti tagħna mal-NHS. Iżda s-sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħtina wkoll aċċess għal sptarijiet speċjalizzati fis-26 Stat Membru l-ieħor, fejn tingħata kura li tista’ ma tkunx disponibbli f’Malta minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet,” qal Agius.
Huwa żied jgħid li jrid li Malta tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet li toffri ċ-ċittadinanza Ewropea billi l-aċċess għall-kura fi sptarijiet Ewropej isir aktar faċli u aktar mgħaġġel.
Agius qed iressaq 23 emenda biex id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali tkun adattata aħjar għall-bżonnijiet ta’ Malta. Il-proposti jinkludu aċċess aħjar għal prodotti mediċinali li mhumiex disponibbli f’Malta, il-possibbiltà li pazjent jitlob it-tieni opinjoni, u li l-ispejjeż tal-kura jitħallsu direttament mis-sistema tas-saħħa Maltija minflok mill-pazjent.
Il-proposti jinkludu wkoll il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u t-twessigħ tas-servizzi tas-saħħa koperti mis-sistema nazzjonali għall-kura barra minn Malta.
Id-diskussjonijiet dwar l-emendi ta’ Agius se jkomplu fil-Kumitat għas-Saħħa Pubblika sa Ottubru, filwaqt li vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew huwa mistenni sal-aħħar ta’ din is-sena.
The post Agius jitlob li l-kura tas-saħħa barra minn Malta ssir aktar aċċessibbli appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →