Bdiewa jitolbu reviżjoni urġenti tal-kategorizzazzjoni
L-Għaqda Bdiewa Attivi qed titlob reviżjoni urġenti tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa għall-2024 u l-2025, filwaqt li Peter Agius ikkritika l-mod kif qed jitqassmu l-fondi Ewropej għas-settur. The post Bdiewa jitolbu reviżjoni urġenti…
L-Għaqda Bdiewa Attivi qed titlob lill-awtoritajiet jagħmlu eżerċizzju urġenti biex jirrevedu l-kategorizzazzjoni tal-bdiewa għas-snin 2024 u 2025, filwaqt li sostniet li s-sistema attwali wasslet biex bdiewa ġenwini u kummerċjali ġew ikklassifikati f’kategoriji aktar baxxi milli suppost.
Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, l-Għaqda qalet li ilha madwar 20 sena tiddiskuti mal-awtoritajiet dwar mekkaniżmu li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ġust il-bdiewa attivi u ġenwini f’Malta. Il-liġi dwar il-kategorizzazzjoni kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fit-12 ta’ Lulju 2024.
Madanakollu, l-Għaqda qalet li meta ħarġu l-kategoriji għall-2024 u l-2025, diversi membri tagħha sabu ruħhom f’kategoriji li, skont hi, ma jirriflettux ir-realtà tal-operat tagħhom.

Hija sostniet li kien hemm bdiewa b’bejgħ ta’ aktar minn €100,000 li spiċċaw fil-Kategorija 1, li tirreferi għal bdiewa mhux kummerċjali. Żiedet li dawn ma kinux każijiet iżolati iżda problema li affettwat diversi membri tagħha.
Il-kritika ewlenija tal-Għaqda hija dwar l-użu tal-iStandard Output biex jiġu stabbiliti l-kategoriji. Hija qalet li waqt laqgħat mal-Ministeru kienet għamlitha ċara li tippreferi sistema bbażata fuq id-dħul li l-bidwi jiddikjara permezz tal-formola RA1.
L-Għaqda lmentat ukoll dwar il-proċess tal-appelli, u qalet li xi bdiewa li ressqu appell f’Mejju baqgħu mingħajr tweġiba minkejja li, skont hi, il-każ kellu jiġi trattat fi żmien 90 ġurnata. Iddeskriviet is-sistema bħala waħda “antikwata u burokratika” li qed taqta’ qalb il-bdiewa attivi.
Fl-istess waqt, l-Għaqda rreferiet għal pakkett ieħor ta’ għajnuna Ewropea marbut mal-ispejjeż tal-fertilizzant. Hija appellat biex dan jitqassam fuq mudell simili għal dak użat fit-tieni pakkett ta’ għajnuna, fejn il-kalkolu kien sar abbażi tad-dħul iddikjarat permezz tal-RA1.
Skont l-Għaqda, għal dak il-pakkett kienu applikaw bejn 800 u 900 bidwi fil-kategoriji 3, 4 u 5. Hija argumentat li dan jagħti stampa aktar realistika ta’ kemm hemm bdiewa ġenwini u attivi, filwaqt li kkontestat ċifra ta’ madwar 3,900 bidwi attiv li qalet li kienet irrappurtata fil-midja lokali.
L-Għaqda esprimiet ukoll tħassib li persuni li l-attività ewlenija tagħhom mhijiex il-biedja jistgħu jispiċċaw f’kategoriji għolja u jibbenefikaw minn għajnuniet li, fil-fehma tagħha, għandhom imorru għand bdiewa ġenwini.
Hija wissiet li mhux se taċċetta sitwazzjoni fejn membru tagħha li suppost ikun eliġibbli għal rata ta’ għajnuna ta’ 65% jispiċċa jirċievi 50% minħabba l-kategorija li jkun tqiegħed fiha.
Għaldaqstant, l-Għaqda qed titlob li l-kategoriji tal-membri tagħha jiġu riveduti minnufih, filwaqt li qalet li mhux se taċċetta l-klassifikazzjonijiet tal-2024 u l-2025 kif inhuma bħalissa.
“Qumu minn hemm intom li titimgħuna!”
Intant, l-Ewroparlamentari Peter Agius ikkummenta dwar il-pożizzjoni tal-Għaqda u kkritika l-mod kif, skont hu, Malta qed tuża l-fondi Ewropej maħsuba għas-settur.
Agius sostna li l-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom jintużaw “l-ewwel u qabel kollox” għal sussidji diretti marbuta mal-produzzjoni u mal-bdiewa li effettivament jipproduċu.
Huwa allega li aktar minn 60% tal-fondi qed jiġu diretti lejn infrastruttura u li parti sostanzjali minnhom tispiċċa għand entitajiet bħall-Project Green u Infrastructure Malta, kif ukoll għand kuntratturi u aġenziji oħra.
“Għal darb’oħra r-raba’ ġie r-raba’ – mhux sew!” qal Agius, filwaqt li temm l-appell tiegħu lill-bdiewa bil-kliem: “Qumu minn hemm intom li titimgħuna!”
L-Għaqda Bdiewa Attivi qalet li se tagħti aġġornament pubbliku ieħor fi żmien xahar u, skont l-iżviluppi sa dak iż-żmien, tiddeċiedi flimkien mal-membri tagħha dwar il-passi li jmiss.
The post Bdiewa jitolbu reviżjoni urġenti tal-kategorizzazzjoni appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →