Bini jiċċaqlaq: Il-PN isejjaħ għall-ħolqien ta’ Uffiċċju Ġeoloġiku Nazzjonali
Il-każ tal-bini li ġarrab ħsarat f’Santa Venera juri kemm hu importanti li Malta tkompli ssaħħaħ il-prevenzjoni u l-għarfien xjentifiku dwar dak li qed jiġri taħtna, il-Partit Nazzjonmalista qal illum. The…
Il-każ tal-bini li ġarrab ħsarat f’Santa Venera juri kemm hu importanti li Malta tkompli ssaħħaħ il-prevenzjoni u l-għarfien xjentifiku dwar dak li qed jiġri taħtna, il-Partit Nazzjonmalista qal illum.
Huwa għalhekk li l-PN qed jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa li pajjiżna jkollu National Geological Office li jkun responsabbli biex jiġbor u jżomm data ġeoloġika nazzjonali, joħloq database ċentrali tas-subsoil, janalizza r-riskji marbuta mal-iskavar u l-pedamenti, jipprovdi gwida teknika lill-awtoritajiet u lill-professjonisti, u jikkontribwixxi għal ippjanar u kostruzzjoni aktar siguri u sostenibbli.
Il-PN qal li dan l-uffiċċju mhuwiex biss investiment fis-saħħa u s-sigurtà, iżda wkoll investiment għaqli li jgħin biex jipprevieni u jnaqqas il-ħsarat u l-ispejjeż fit-tul, iżid iċ-ċertezza għall-investituri u għat-terzi u jtejjeb il-kwalità tal-proġetti.
B’aktar għarfien u koordinazzjoni xjentifika, pajjiżna jkun jista’ jimxi lejn żvilupp aktar responsabbli, bi ppjanar aħjar u standards ogħla fid-disinn u fl-eżekuzzjoni tal-proġetti, speċjalment f’kuntest ta’ densifikazzjoni urbana u skavar dejjem akbar, kompla l-partit.
Il-PN esprima solidarjetà ma’ dawk kollha milquta minn dak li qed jiġri f’Santa Venera filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA), lill-periti, l-inġiniera, il-professjonisti kollha u lill-persuni tekniċi li intervjenew fil-ħin, b’dedikazzjoni u b’sens qawwi ta’ responsabbiltà.
Qal li r-rispons u x-xogħol tagħhom kien kruċjali biex jiġu mħarsa l-ħajjiet u biex tinżamm is-sigurtà f’mumenti ta’ tensjoni u inċertezza.
Il-PN qal li pajjiż b’intensità għolja ta’ kostruzzjoni bħal tagħna ma jistax jibqa’ mingħajr infrastruttura xjentifika nazzjonali li tifhem, tissorvelja u tiggwida l-użu tas-sotterran tiegħu. Dan huwa pedament essenzjali biex immorru minn sistema li tirreaġixxi wara l-problemi għal waħda li tipprevenihom qabel ma jseħħu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ jinsisti fuq il-ħtieġa li Malta jkollha Single Construction Law – qafas legali wieħed, integrat u preventiv li jirregola l-kostruzzjoni tul iċ-ċiklu kollu tagħha. F’dan il-kuntest, il-ġeoloġija u d-data xjentifika ma jkunux żejda, iżda parti fundamentali mid-deċiżjonijiet li jittieħdu qabel ma jibda x-xogħol fuq sit.
It-twaqqif ta’ National Geological Office, għalhekk, għandu jkun pilastru importanti f’sistema moderna ta’ governanza tal-kostruzzjoni bbażata fuq prevenzjoni aktar milli reazzjoni, fuq ċarezza u responsabbiltà aktar milli frammentazzjoni, u fuq l-interess pubbliku u s-sigurtà tan-nies fuq kollox.
L-istqarrija kienet iffirmata minn Stanley Zammit, Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, u Darren Carabott, Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà.
The post Bini jiċċaqlaq: Il-PN isejjaħ għall-ħolqien ta’ Uffiċċju Ġeoloġiku Nazzjonali appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →