€320,000 f’reklamar minn Project Green
Jibqa’ mistur kemm influencers tħallsu biex irrekklamar għadd ta’ inizzjattivi ta’ Project Green The post €320,000 f’reklamar minn Project Green appeared first on Newsbook.
Project Green nefqet iktar minn €320,000 marbuta mal-informazzjoni u r-reklamar, mifruxin fuq tliet snin. L-ammonti marbuta ma’ informazzjoni u reklamar kienu ta’ €122,000 fl-2023, €107,176 fl-2024, u €92,238 fl-2025.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat fil-Parlament li kemm-il darba kellha kritika biex “jesponu iktar l-ispazji l-ġodda ħalli n-nies ikunu jafu bihom iktar u jgawduhom mal-familji tagħhom”. Dan apparti li hemm proġetti li l-entità hi obbligata tinforma u tirreklama dwarhom ladarba hemm użu ta’ fondi Ewropej.
L-informazzjoni xxandret jew kienet ippubblikata fuq id-diversi mezzi tax-xandir, inkluż televiżjoni, radju, mezzi soċjali kif ukoll materjal stampat. Fil-materjal stampat hemm inkluż il-‘hoarding’ tad-diversi siti li kien hemm u għad hemm għaddej ix-xogħol fuqhom madwar il-pajjiż, kif ukoll sinjali ta’ informazzjoni li jitwaħħlu fil-ġonna. Il-Ministru spjegat li x-xogħol inkwistjoni dejjem ingħata permezz ta’ proċedura ta’ tender jew direct order, skont kif applikabbli, u f’konformità sħiħa mal-proċeduri u r-regolamenti tal-akkwist pubbliku.
Project Green qed taħdem fuq portafoll ta’ 118-il proġett differenti b’investiment maħsub ta’ madwar €350 miljun, li fit-totalità tagħhom iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru – daqs ta’ 240 grawnd tal-futbol. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti kollha ssir fuq medda ta’ snin.
L-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sena 2026 huma kif jirriżultaw mill-estimi.
Project Green qed timmaniġġja 19-il sit attiv u tinsab fil-proċess li tibda x-xogħol fuq erba’ siti oħra, b’numru ferm akbar ta’ proġetti jiġu implimentati simultanjament f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Huwa mmirat li matul din is-sena jitlestew proġetti oħrajn mill-entitajiet tal-Ministeru għall-Ambjent li mistennija jinkludu:
- Ir-Riserva Naturali tas-Simar (San Pawl il-Baħar)
- Ġnien Dun Nicholas Cachia (Is-Siġġiewi)
- Ġnien Misraħ Karmelitani (Iż-Żurrieq)
- Estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa)
- Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija)
- Ġnien il-Madonna tal-Vitorja (Pembroke)
- Park tal-Mitħna (L-Imqabba)
- Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (In-Naxxar)
- Ġnien il-Koppin (Ħal Kirkop)
- Ġnien Għarram (Ħaż-Żebbuġ)
- Ġnien iż-Żgħożija (L-Imtarfa)
- Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Is-Swieqi)
- Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq)
- Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem)
- Parti minn Park l-Inħawi (Il-Fgura)
- Proġett f’Għajnsielem u ieħor f’San Ġiljan li qed isiru bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali
- Proġett Silva f’żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb (Mellieħa)
- Xogħlijiet ta’ tisbiħ fiż-żona Saver Zarb f’San Ġiljan, fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Barrakka t’Isfel
- Roof Garden fuq il-binja tal-Liċeo l-Ħamrun
- Ċentru tal-Viżitaturi (Il-Marfa)
- Ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu
- Il-proġett ta’ Green Living Hub Malta (Ħaż-Żebbuġ)
Ix-Shadow Minister, Rebekah Borg staqsiet lill-Ministru r-raġuni għalfejn intefqu biss €2.3 miljun minkejja li fl-2024 kien hemm allokazzjoni kapitali ta’ €24.7 miljun għall-aġenzija Project Green. Mitluba tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ nfiq, kif ukoll tispeċifika liema kienu dawk il-proġetti li kienu ppjanati li jsiru b’dawn il-fondi u li minħabba dan in-nuqqas ta’ nfiq, ġew imdewma, posposti jew ikkanċellati, il-Ministru Dalli naqset milli tagħti tweġiba għal dan.
Il-Gvern, inkluż il-Ministeru għall-Ambjent, kienu rrifjutaw li jagħtu dettalji dwar l-ammont ta’ nfieq għall-influencers. Ir-risposta identika għat-Talba għall-Informazzjoni permezz ta’ FOI kienet li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex mhux ċar x’dokument qed jintalab.
Għal inizjattiva waħda biss, il-preżentatur Ricky Caruana ngħata €10,000 biex jippromwovi s-siġar. Madanakollu, hemm ħafna iktar influencers li jirreklamaw għadd ta’ inizjattivi ta’ Project Green.
The post €320,000 f’reklamar minn Project Green appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →