Ħelsien mill-arrest għal raġel li weġġa’ gravi raġel ieħor
Raġel ta’ 33 sena minn Marsaskala ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li weġġa’ gravi lil raġel ieħor u li għamel ħsara lill-proprjetà tiegħu. The post Ħelsien…
Raġel ta’ 33 sena minn Marsaskala ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li weġġa’ gravi lil raġel ieħor u li għamel ħsara lill-proprjetà tiegħu.
Aiden Cilia la Corte tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Franco Agius, fejn ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel mingħajr l-intenzjoni li joqtlu jew li jqiegħed ħajtu f’periklu ċar.
Huwa ġie akkużat ukoll li għamel ħsara lil proprjetà tal-istess allegat vittma, b’din il-ħsara tkun stmata għal aktar minn €250 iżda inqas minn €2,500.
Cilia la Corte ġie akkużat ukoll li hedded lill-allegat vittma u li huwa reċidiv.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda imponiet numru ta’ kundizzjonijiet. Huwa ġie ordnat jattendi għas-seduti kollha tal-Qorti u ma jitlaqx minn Malta.
Huwa kellu wkoll jagħti l-karta tal-identità u l-passaport tiegħu lill-Qorti, filwaqt li ġie pprojbit milli jagħmel kuntatt max-xhieda jew jikkommetti reat volontarju ieħor.
Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, Cilia la Corte għandu jiffirma f’għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u josserva curfew bejn id-9pm u s-7am.
Il-ħelsien mill-arrest ġie garantit b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Il-Maġistrat Agius ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur l-allegat vittma u l-qraba tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesca Marie Calleja, filwaqt li l-Avukat Gabriel Abela deher f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Francesca Zarb dehret f’isem l-akkużat.
The post Ħelsien mill-arrest għal raġel li weġġa’ gravi raġel ieħor appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →