Il-Gvern jirrifjuta li jgħid kemm tħallsu l-influencers
14-il ministeru jirrifjutaw it-talba, tat-Turiżmu jinjoraha kompletament u tal-Ambjent u tal-Intern jitolbu estensjoni biex xorta jirrifjutaw The post Il-Gvern jirrifjuta li jgħid kemm tħallsu l-influencers appeared first on Newsbook.
Il-Gvern irrifjuta li jgħid kemm tħallsu l-influencers li ġew imqabbda matul is-sena l-oħra biex jirreklamaw xogħlijiet li jsiru mill-ministeri. Newsbook Malta talab informazzjoni sempliċi biex isir magħruf fejn marru t-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, b’referenza partikolari lejn personalitajiet, biex sar ir-reklamar.
It-talba oriġinali saret permezz ta’ ittra eletronika lil kull ministeru, inkluż l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Mit-18-il ministeru, kien ministeru wieħed biss li wieġeb, il-Ministeru tal-Finanzi, fejn qal li dan ma kkollabora mal-ebda influencer biex saret xi forma ta’ promozzjoni. Din it-tweġiba kienet waslet daqs jumejn wara.
Il-kumplament tal-ministeri ma bagħtu xejn u kien biss daqs ġimgħa u nofs wara meta fl-Ewwel tas-Sena l-kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru bagħat tweġiba kollettiva – jiġifieri f’isem il-ministeri kollha. Din it-tweġiba kienet tgħid hekk:
Kull Gvern għandu r-responsabbiltà li jikkomunika miżuri u kisbiet ta’ policy. Dan huwa essenzjali f’kull demokrazija. Hemm bosta raġunijiet għal dan. Din il-komunikazzjoni żżomm liċ-ċittadin infurmat u ttejjeb ir-riżultati ta’ policies ġodda nfushom.
Għaldaqstant minn żmien għal żmien il-Gvern ikun qed juża s-servizzi tal-media houses u anke influencers u content creators sabiex jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-forom varji tal-media eżistenti.
Modalità li dan il-Gvern jemmen fiha u li se jkompli jaddotta fil-preżent u l-futur inkluż ma' Newsbook u Beacon Media Group Ltd.
Filwaqt li t-tweġiba, fi tliet paragrafi sħaħ, tgħid kemm huwa importanti li jkun hemm komunikazzjoni bejn il-ministeri u ċ-ċittadini, fl-ebda mument ma ntqal kemm intefqu flus fuq influencers u content creators.
Kien għal din ir-raġuni li Newsbook Malta għażel li jibgħat talba permezz tal-Att tal-Freedom of Information (FOI) biex jitlob lill-ministeri kollha, ħlief dak tal-Finanzi, biex jingħata dokumenti ta’ kollaborazzjonijiet li saru bejn l-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
L-ewwel tweġibiet li waslu kienu tnejn ta’ talba ta’ estensjoni mill-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, u l-Ministeru tal-Afferijiet Interni, is-Sigurtà u x-Xogħol. Wieħed jingħata x’jifhem li qed tinġabar l-informazzjoni u kien jeħtieġ iżjed ħin minn dak obbligat.
Madanakollu, jum wara l-ieħor bdew deħlin it-twiġibiet tal-ministeri u kollha bdew jirrifjutaw li tingħata tweġiba, inkluż dawk li talbu estensjoni. Sa nofs Frar, 16-il ministeru, inkluż l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, irrifjutaw it-talba għad-dokumenti mitluba.
I am requesting full details of all collaborations, engagements, agreements or initiatives entered into by the Ministry and any of its departments, directorates, agencies, authorities or entities falling under its remit during the period 1 January 2025 to 31 December 2025, involving social media influencers, digital content creators, online presenters, bloggers, vloggers or podcasters, and media personalities engaged specifically for social media or digital platforms. For each collaboration or initiative, I am requesting the copies of any contracts, service agreements, memoranda of understanding, purchase orders or invoices of every individual or entity engaged which will include all financial details.
U x’kienet ir-raġuni wara r-rifjut? Minkejja li t-talba għad-dokument ma setgħetx tkun iktar ċara minn kif saret, kif jixhed hawn fuq, il-maġġoranza tal-ministeri kellhom tweġiba identika.
The request is generic and it does not provide the necessary information that is reasonably required to enable the public authority to identify the specific document being sought. Thus, such request would substantially and unreasonably divert the resources of the public authority from its other operations.
Agħar minn dan kollu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu kellu ċans sat-12 ta’ Frar biex jagħti tweġiba dwar jekk hux se jgħaddi d-dokumenti mitluba. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni din it-talba ma ġietx imwieġba.
Fix-xhur li għaddew Newsbook Malta żvela li l-preżentatur Ricky Caruana ngħata €10,000 għal inizjattiva waħda ta’ Tree Planting. Flus li ngħataw biex inġibdu filmati sempliċi ta’ promozzjoni għal Project Green u li ġew ippubblikati fuq il-paġna ta’ Facebook Ricky Caruana Podcast. Eventwalment, Caruana nnifsu kien iddikjara li kien hu stess li talab li jiġi mħallas għal filmati li skontu kienu qed isiru minn jheddu.
The post Il-Gvern jirrifjuta li jgħid kemm tħallsu l-influencers appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →