Jinqabad darbtejn isuq bla liċenzja; jgħajjar lil pulizija “żibel”
General 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 September 12, 2026 4:29 pm

Jinqabad darbtejn isuq bla liċenzja; jgħajjar lil pulizija “żibel”

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Isla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li darbtejn saq BMW mingħajr liċenzja u assigurazzjoni. Huwa qed jiġi akkużat ukoll li hedded u insulta uffiċjal…

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Isla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li f’żewġ okkażjonijiet differenti saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan valida u mingħajr polza tal-assigurazzjoni.

Clayton Caruana tressaq il-Qorti s-Sibt b’rabta ma’ sensiela ta’ akkużi li jirrigwardaw żewġ inċidenti li seħħew f’Birżebbuġa, wieħed fis-6 ta’ Awwissu u l-ieħor fil-11 ta’ Settembru.

L-ewwel każ imur lura għas-6 ta’ Awwissu, meta Caruana allegatament instab isuq BMW f’Birżebbuġa minkejja li ma kellux liċenzja valida u lanqas polza tal-assigurazzjoni. Huwa ġie akkużat ukoll li kien qed isuq mingħajr ma kien liebes iċ-ċinturin tas-sigurtà.

Ftit aktar minn xahar wara, fil-11 ta’ Settembru, iż-żagħżugħ allegatament reġa’ nqabad isuq l-istess BMW fl-istess lokalità, għal darb’oħra mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.

Kien waqt dan it-tieni każ li Caruana allegatament hedded u insulta uffiċjal tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu, fost l-oħrajn billi sejjaħlu “Żibel”.

Il-Pulizija allegat ukoll li fil-pussess tiegħu nstab ponn tal-ħadid. Għaldaqstant, fost l-akkużi miġjuba kontrih hemm dawk marbuta ma’ reat kontra uffiċjal pubbliku u l-ġarr ta’ arma irregolari.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Caruana ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u josserva ħinijiet li l-qorti imponiet fuqu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Farr, filwaqt li l-Avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat.

Il-kawża nstemgħet quddiem il-Maġistrat Franco Agius.

The post Jinqabad darbtejn isuq bla liċenzja; jgħajjar lil pulizija “żibel” appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →