Kamra inqas f’guesthouse fl-Isla wara appell tar-residenti
Guesthouse proposta fl-Isla se jkollha titnaqqas minn 12 għal 11-il kamra wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ordna tibdil fil-pjanti wara appell imressaq mir-residenti. The post Kamra inqas…
Guesthouse proposta fl-Isla se jkollha kamra inqas milli kien ippjanat oriġinarjament, wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) qabel ma’ parti mill-oġġezzjonijiet imressqa minn residenti dwar l-impatt viżiv tal-proġett.
It-Tribunal ma waqqafx l-iżvilupp, iżda ta lill-iżviluppatur 30 jum biex jippreżenta pjanti ġodda li jindirizzaw it-tħassib tiegħu. It-tibdil mitlub se jwassal biex in-numru ta’ kmamar jonqos minn 12 għal 11.
L-applikazzjoni PA/04973/25 tressqet minn Robert Zammit, b’Colin Zammit indikat bħala l-perit. Il-proposta hija biex residenza fil-kantuniera bejn Triq id-Duluri u Triq il-Kappillan Franġisk Azzopardi tinbidel fi guesthouse tal-Klassi 3A.
Il-pjanti oriġinali kienu jinkludu 12-il kamra u sular ieħor irtirat fil-livell tal-bejt.
L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett fi Frar, minkejja li l-case officer kien irrakkomanda li l-permess ma jingħatax. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet ukoll esprimiet tħassib dwar l-effett li l-iżvilupp seta’ jkollu fuq l-iskyline storiku tal-Isla.
F’Marzu, residenti ressqu appell kontra l-permess. Fost l-oġġezzjonijiet tagħhom kien hemm l-impatt tal-binja fuq iż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana u l-iskyline tal-lokalità, kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-privatezza tal-ġirien u t-traffiku.
Madankollu, it-Tribunal ma laqax l-argumenti kollha tar-residenti. Huwa ddeċieda li l-Kummissjoni tal-Ippjanar setgħet tasal għal konklużjoni differenti minn dik tal-case officer, sakemm tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
Lanqas ma ntlaqgħu l-oġġezzjonijiet marbuta mat-traffiku, hekk kif it-toroq madwar il-proprjetà huma pedonali u mhux aċċessibbli għall-vetturi.
It-Tribunal, iżda, sab problema fil-parti ta’ fuq proposta għall-binja u qies li d-daqs tagħha għandu jitnaqqas sabiex l-iżvilupp jidħol aħjar fil-kuntest taż-żona storika.
Peress li l-Grand Harbour Local Plan ma jistabbilixxix għoli massimu għall-bini fl-Isla, it-Tribunal qal li l-proposta trid tiġi evalwata fid-dawl tal-madwar, fosthom il-binjiet eżistenti u l-pendil naturali taż-żona.
Għaldaqstant, il-pjanti riveduti jridu jnaqqsu l-footprint tal-istruttura ta’ fuq, filwaqt li l-għoli tagħha ma jistax jaqbeż it-3.1 metri. Fuq it-terrazzin tal-bejt irid jitħalla wkoll spazju apposta għas-servizzi tal-binja.
Dawn il-bidliet ifissru li waħda mit-12-il kamra oriġinarjament proposti trid titneħħa, u b’hekk il-guesthouse tkun tista’ tinkludi massimu ta’ 11-il kamra.
Ir-residenti kienu rappreżentati mill-Avukat Mariah Ann Fenech ta’ Sciberras Advocates.
The post Kamra inqas f’guesthouse fl-Isla wara appell tar-residenti appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →