L-ADPD-The Green Party jappella biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u tal-ħġieġ
Politics 🇲🇹 Malti 📰 Newsbook 🕒 January 21, 2026 5:39 pm

L-ADPD-The Green Party jappella biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u tal-ħġieġ

Jappellaw għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ dispensers fi ħwienet u postijiet kummerċjali sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jġibu u jużaw il-kontenituri tagħhom stess għall-prodotti likwidi jew bulk. The post L-ADPD-The Green Party…

L-ADPD-The Green Party qal li t-tnaqqis tal-iskart, kemm plastik u kemm ħġieġ għand jkun il-prijorità assoluta. Jappellaw għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ dispensers fi ħwienet u postijiet kummerċjali sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jġibu u jużaw il-kontenituri tagħhom stess għall-prodotti likwidi jew bulk.

B’referenza għar-rapport tal-Wasteserv bl-aktar statistika riċenti dwar l-immaniġġjar tal-iskart, l-ADPD-The Green Party qal li inħabba diversi raġunijiet, “fosthom għexieren ta’ snin ta’ ħela ta’ żmien u ta’ traskuraġni fl-immaniġġjar tal-iskart, bħala pajjiż għadna lura, għalkemm ma nistgħux ma ninnotawx, fl-aħħar,  titjib f’dan is-settur.” Semma t-tnaqqis ta’ kważi terz fil-kwantità tal-iskart li jispiċċa fil-miżbla, u li kien hemm żieda sinifikanti fil-ġbir ta’ skart organiku u riċiklabbli fosthom minn entitajiet kummerċjali. L-emfasi dejjem kellu jkun u jibda min-negozji li jiġġeneraw ammonti kbar ta’ skart.

Id-deputat Chairperson u kandidat fuq Birżebbuġa, Dr Melissa Bagley, qalet: “Nemmnu li l-immaniġġjar effettiv tal-iskart għandu jibda fil-livell tal-produzzjoni u l-importazzjoni. Kull min ipoġġi prodotti fis-suq, inkluż il-bejjiegħ, għandu jkun responsabbli għall-ġbir tal-kontenituri vojta wara l-użu. Dan jinkludi li ħwienet u distributuri jkunu obbligati jiġbru lura kontenituri vojta, mingħajr skużi u eżenzjonijiet bl-addoċċ.”

Kompliet li bħala membri tal-Unjoni Ewropea, naraw li, għall-ġid tagħna stess li jitħaddmu sew ir-regolamenti u direttivi Ewropej li jpoġġu penalitajiet fuq plastik li ma jinġabarx lura jew li mhux riċiklat kif suppost. Dan għandu jkun inkluż fil-politika nazzjonali bħala strument effettiv kontra t-tniġġis mill-plastik.

L-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ dispensers fi ħwienet u postijiet kummerċjali

L-ADPD-The Green Party appella li għandu jkun hemm l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ dispensers fi ħwienet u postijiet kummerċjali sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jġibu u jużaw il-kontenituri tagħhom stess għall-prodotti likwidi jew bulk. Dan inaqqas b’mod sinifikanti l-bżonn ta’ pakkett wieħed u jippromwovi kultura ta’ użu mill-ġdid tal-kontenituri. Fakkar li skont ir-Regolamenti dwar l-ippakkeġġar u l-iskart li dan jiġġenera kull negozju li joffri ikel take-away għandu joffri l-għażla li l-klijenti jiġbru l-ikel fil-kontenituri tagħhom mingħajr spejjeż addizzjonali. Fl-istess waqt suppost hemm restrizzjonijiet fuq kontenituri li jintużaw darba biss. 

Appellaw għall-iskoraġġiment tal-xiri bla bżonn ta’ prodotti bħall-ilma fil-fliexken, kemm jekk huma tal-plastik jew tal-ħġieġ. “Anki jekk il-materjal jista’ jkun riċiklabli, l-użu eċċessiv tiegħu jżid b’mod mhux sostenibbli l-ammont ta’ skart ġġenerat. Għad baqa’ ħafna xi jsir f’dal-qasam. It-tnaqqis tal-iskart, kemm plastik u kemm ħġieġ għand jkun il-prijorità assoluta.”

L-inċineratur m’għandux ikun tant kbir li jispiċċa jintuża bħala skuża biex niġġeneraw aktar skart

Irrikonoxxa li f’sistema konsumerista li tiġġenera ħafna skart, impjant bħall-inċineratur huwa essenzjali speċjalment għal ċertu tip ta’ skart. “Madankollu, dan m’għandux ikun tant kbir li jispiċċa jintuża bħala skuża biex niġġeneraw aktar skart bl-addoċċ jew biex nabbandunaw sforzi biex jitnaqqas l-ammonti ta’ skart u tiġi mminata l-ekonomija ċirkolari li għadha fit-tfulija tagħha.”

Appella li l-fokus għandu jibqa’ l-ewwelnett fuq il-prevenzjoni, u inizjattivi li jnaqqsu radikalment l-konsum u l-ġenerazzjoni ta’ skart. Il-prijorità ghandha tkun li l-iskart iggenerat ghandu jkun imminimizzat.

The post L-ADPD-The Green Party jappella biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u tal-ħġieġ appeared first on Newsbook.

Read the full article at the original source

Visit Newsbook →