“Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa mingħajr servizz geoloġiku nazzjonali” – ADPD
Uffiċjali ta’ ADPD-The Green Party tkellmu dwar żewġ proposti fil-manifest elettorali: il-ħtieġa ta’ servizz ġeoloġiku nazzjonali u proposta dwar il-ħolqien ta’ passaport għal kull binja. The post “Malta hija l-unika…
Uffiċjali ta’ ADPD-The Green Party tkellmu dwar żewġ proposti fil-manifest elettorali: il-ħtieġa ta’ servizz ġeoloġiku nazzjonali u proposta dwar il-ħolqien ta’ passaport għal kull binja.
Dan f’konferenza tal-aħbarijiet f’Paceville.
Carmel Cacopardo – Deputat Chairperson u kandidat fuq is-7 u l-11-il Distrett, qal: “Malta hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa b’dan in-nuqqas. Dan ifisser li f’Malta għad m’għandniex għarfien dettaljat tal-ġeoloġija tal-gżejjer”.
Huwa tkellem dwar iż-żieda fil-frekwenza tal-inċidenti fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, fejn weġġgħu nies, uħud gravi, kif ukoll imwiet.
Fl-istqarrija ssemmew il-kollass tal-bini f’Paceville madwar sena ilu, u l-inċident ta’ din il-ġimgħa n-Naxxar: tnejn minn dawn il-każijiet, fejn minkejja l-gravità tas-sitwazzjoni, ma weġġa’ u miet ħadd.
Cacopardo qal li riflessjoni fuq dawn l-inċidenti hu li s’issa f’Malta għad m’hawnx servizz geoloġiku nazzjonali.
B’rabta ma’ dan l-ADPD kompla jgħid li jeħtieġ li nkunu nafu aħjar fiex tikkonsisti l-ġeoloġija ta’ dawn il-gżejjer – “Il-ftit informazzjoni li ħallew warajhom il-militar Ingliż mhix aġġornata”.
“Malta hija l-uniku pajjiz fl-Ewropa mingħajr awtorità ġeoloġika ċentralizzata. Dan qed iħalli l-industrija tal-kostruzzjoni, l-ippjanar urban, u l-ħarsien tal-ambjent b’nuqqasijiet professjonali”
Fuq din in-nota, l-ADPD qed jipproponi li jitwaqqaf Servizz Ġeoloġiku Nazzjonali li jservi bħala l-awtorità ġeoloġika definittiva ta’ Malta.
Qalu li dan għandu mhux biss jiġbor u jaġġorna l-informazzjoni ġeoloġika dwar il-gżejjer Maltin imma għandu ukoll jissorvelja l-valutazzjoni ġeoloġika meħtieġa u jassigura li din issir skont l-ogħla prattika rikonoxxuta fuq livell internazzjonali.
Stqarru li biex dan ikun jista’ jsir sewwa għandna bżonn “ġeoloġi mħarrġin u rispettati mill-awtoritajiet regolatorji” u li l-ġeologu mħarreġ għandu jingħata l-għarfien b’warrant.
Sandra Gauci – Chairperson u kandidat fuq is-6 u t-12-il Distrett, tkellmet dwar is-sigurtà tal-bini li hi meħtieġa f’kull ħin waqt li l-bini ikun qed jintuża – “Dan ma nagħtux kasu biżżejjed. L-awtoritajiet pubbliċi donnhom jistenbħu biss meta jinqala’ inċident. Huwa meħtieġ li nipprevjenu u dan billi regolarment isiru verifiki li kull bini eżistenti hu fi stat tajjeb”.
L-ADPD qal li għodda importanti biex jintlaħaq dan l-iskop ikun il-ħolqien ta’ passaport għal kull binja, li għandu jkun f’idejn u amministrat mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u jkun jiġbor fih d-dokumenti kollha dwar kull binja.
“Ibda mill-pjanti approvati biex ikun żviluppat, żid miegħu r-rapporti kollha li jitħejjew dwaru b’konnessjoni mal-proċess biex jinħareġ il-permess u biex eventwalment jinbena. Għandek imbagħad iċ-Ċertifikat tar-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (l-Energy Performance Certificate) li dwaru hemm obbligu legali u li jkun imġeddded kull għaxar snin”.
ADPD qal li din l-informazzjoni kollha llum il-ġurnata diġà teżisti – “Kull mhu meħtieġ hu li din tinġabar kollha f’post wieħed, għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Perjodikament ma’ din l-informazzjoni wieħed għandu jżid informazzjoni addizzjonali dwar l-istat tal-binja biex ikun assigurat li din tkun f’kundizzjoni tajba dejjem”.
“Dan hu process li jieħu ż-żmien. Imma jista’ jsir mingħajr diffikultà għax l-informazzjoni kollha dwaru hi diġà f’idejn l-awtoritajiet. Nistgħu nagħmlu użu minnha ħafna aħjar milli qed nagħmlu illum. Nibdew bil-bini l-ġdid u bil-mod il-mod ninkludu l-bini kollu”.
ADPD temm jgħid: “Hekk nistgħu fuq perjodu ta’ żmien nassiguraw li kull binja f’Malta u Għawdex qiegħda fi stat tajjeb kontinwament. Hekk ikun servizz tajjeb. X’qed nistennew? Kemm il-mewt irridu naffaċċjaw fis-settur tal-kostruzzjoni biex nibdew naġixxu?”
The post “Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa mingħajr servizz geoloġiku nazzjonali” – ADPD appeared first on Newsbook.
Read the full article at the original source
Visit Newsbook →